​Ritratti: Wirja unika ta’ arti mill-metall fil-Biblijoteka tal-Belt

EX LIBRIS hija wirja ta’ arti magħmula mill-metall mill-artista Skandinava Marie Louise Kold.
Il-wirja hi mibnija madwar l-ispirazzjoni li jqanqlu fl-artista l-kotba qodma sekli sħaħ li hemm fil-Biblijoteka tal-Belt Valletta, u li huma dwar il-metall, il-matallurġija, il-kimika u l-alkemija.
Il-kotba nfushom u x-xjenza li fihom, ispiraw xogħlijiet tal-arti moħluqa mir-ram aħmar, bronż, u ram isfar, fil-forma ta’ kotba u skrolli tal-metall, kif ukoll ornamenti oħra li ta’ spiss fihom il-kitba f’xi mod jew ieħor.
Kultant din tidher imkissra, u kultant tkun imħaffra f’talli mod li jgħaddi d-dawl minnha. Ix-xogħlijiet tal-arti huma ta’ spiss ikkuluriti f’mod natural minn patina li l-artista toħloq permezz ta’ reazzjonijiet kimiċi. U l-intenzjoni tal-wirja kienet sa mill-bidu nett biex tkun f’relazzjoni viżwali mal-isfond uniku tal-Librerija Nazzjonali.
EX LIBRIS tesplora fuq livelli differenti ħafna oqsma tal-għerf, u hi ta’ pont bejn il-passat u l-preżent. Tpoġġi ħdejn xulxin ħwejjeġ li jgħaddu maż-żmien, u ħwejjeġ li jibqgħu, u f’dan il-mod tisfida lil min jaraha biex jaħseb dwar x’inhu ċert fid-dinja, u x’mhux. Il-wirja wkoll tgħaqqad flimkien ix-xjenza u l-arti.
Il-kuratur ta’ din il-wirja huwa Ġorġ Mallia.
Ma' Newsbook.com.mt Marie Louise Kold  tkellmet dwar xi tfisser għaliha din il-wirja,: “Ilni naħdem bir-ram aħmar, ram isfar u l-bronż għal dawn l-aħħar 20 sena. Dawn il-metalli, u l-mod kif jirreaġixxu ma’ kimiċi differenti, kif jinbidlu mit-temp, maż-żmien u anke mill-messa tal-idejn, għadhomn sal-lum ta’ sfida għalija… ta’ misteru u ta’ hena!
Minn dejjem ħabbejt il-kotba u l-kliem ta’ ġo fihom, u ilhom is-snin jispiraw l-arti tiegħi, speċjalment it-tifsiriet li fihom , is-sbuħija grafika tat-test innifsu, u anke x-xeħta skulturali tal-forma tal-ktieb.
Tul ħajti bħala artista, il-kimika wkoll kienet dejjem hemm, u din nużaha kemm xjentifikament, kif ukoll f’mod totalment intuwittiv, għax ir-riżultati tal-użu tagħha ta’ spiss jissorprenduni. Element ieħor important kemm fix-xogħlijiet tal-arti nfushom, kif ukoll fil-proċess tal-ħolqien tagħhom, huwa l-Ħin. Dawn kollha jidhru sew f’din il-wirja.”
Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qiegħda tappopġġja EX LIBRIS, li se tkun għall-wiri fil-Librerija Nazzjonali sat-2 ta’ Ġunju. Id-dħul huwa b’xejn, iżda min irid jidħol fil-Biblijoteka jkun irid juri xi tip ta’ karta ta’ identità. Il-ħinijiet tad-dħul huma bejn it-8.15 ta’ filgħodu u l-5.00 ta’ filgħaxija mit-Tnejn sal-Ġimgħa, u mit-8.15 ta’ filgħodu sas-1.00 ta’ waranofsinhar is-Sibt. Is-Sibt 19 ta’ Mejju, iżda, il-Librerija tkun miftuħa sal-4.00 ta’ waranfosinhar.
Marie Louise Kold se tagħti taħdita pubblika dwar l-arti tagħha u l-wirja EX LIBRIS fil-Biblijoteka stess fit-22 ta’ Mejju fis-7.00 ta’ filgħaxija. Aktar informazzjoni dwar din jinsab hawn.