Ritratti: ​Wirja dwar il-150 sena tad-Djoċesi t’Għawdex

Bħalissa fis-Sala tal-Wirjiet tal-Ministeru għal Għawdex, fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat Għawdex, tinsab miftuħa wirja storika u kommemorattiva bit-tema Għawdex: 150 Sena Djoċesi (1864-2014).
Il-wirja qed issir b’inizjattiva tal-Kummissjoni Arti Sagra fi ħdan il-Kurja t’Għawdex f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex.
Tinkludi dokumenti u ritratti antiki, pubblikazzjonijiet, fided, oġġetti u paramenti sagri marbuta mal-Isqfijiet li mexxew il-Knisja f’Għawdex, u tifkiriet ta’ mumenti importanti fl-episkopati tagħhom.
Element importanti tal-wirja hu d-dokument oriġinali tal-Bulla Singulari Amore (Bi mħabba liema bħalha), miżmum fl-Arkivju tal-Katidral ta’ Għawdex, li bih il-Papa Piju IX waqqaf id-Djoċesi ta’ Għawdex nhar fis-16 ta’ Settembru 1864.
Lejn l-aħħar ta’ Ottubru, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech mistenni jżur il-wirja u jniedi ktejjeb ta’ tifkira.
Il-wirja, li d-dħul għaliha huwa b’xejn, sa tibqa’ miftuħa sat-Tlieta 11 ta’ Novembru. Il-pubbliku jista’ jżurha mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bejn it-8.00am u l-4.30pm.