Ritratti: Washing machine quddiem Pilatus Bank u l-MFSA

Ritratti li waslu għand Newsbook.com.mt juru washing machine mpoġġija fuq mafkar li jikkommemora l-ftuħ ta’ Pilatus Bank mill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Għadd ta’ attivisti qed ikomplu bil-kampanja tagħhom u llejla tpoġġiet washing machine, simbolu tal-ħasil tal-flus, ftit metri bogħod mill-entratura prinċipali tal-bank Pilatus f’Whitehall Mansions max-Xatt Ta’ Xbiex.
Tpoġġew ukoll il-kliem “Ma rridux aktar korruzzjoni”.
Ftit qabel id-9pm, il-Pulizija ta' Malta ħarġet stqarrija fejn ħabbret li delegazzjoni mill-Istati Uniti għandha tasal Malta għal iktar diskussjonijiet dwar il-każ tal-arrest ta' sid il-Bank Pilatus Ali Sadr Hashemi Nejad fil-ġimgħat li ġejjin.
Minn Pilatus Bank, l-attivisti rħewlha lejn l-Imrieħel għall-uffiċini tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) fejn poġġew washing machine oħra, din id-darba tal-kartun.
Mingħajr ma rrevokat il-liċenzja tal-Bank Pilatus, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) keċċiet is-sid tal-istess bank Ali Sadr Hasheminejad u ordnat biex ma jsirux aktar tranżazzjonijiet.