Ritratti: Wara Manwela, drama televiżiva ġdida minn Rewind Productions

Ritratt: Ivan Borg

Wara s-suċċess fl-aħħar staġun tas-sensiela Manwela, kif ukoll Ċirkostanzi, li l-puntati l-ġodda tagħha qed jintwerew ukoll matul dan is-sajf, ħafna huma dawk li qed jistaqsu x’qed jiġri minn Rewind Productions u tħassbu wkoll jekk din il-kumpanija hux biħsiebha taħdem fuq xi proġett ieħor għall-iskeda tal-ħarifa.

Ritratt: Ivan Borg

newsbook.com.mt illum tista’ tiżvela li Michael Vella Haber u Evelyn Saliba La Rosa, flimkien mat-tim tagħhom f’dawn il-ġimgħat żgur ma qagħdux b’idejhom fuq żaqqhom għax ix-xogħol fuq id-drama ġdida tagħhom F’Ġieh L-Imħabba għaddej ġmielu.

Ritratt: Ivan Borg

Mill-informazzjoni li ksibna, jidher li din se tkun produzzjoni b’saħħitha li se teħodna fis-Snin 50 u se tlaqqagħna mal-familja Cuppola, mmexxija minn Santiago Cuppola.

Se niskopru fost ħafna sitwazzjonijiet xi jkunu ż-żewġ interessi ewlenin ta’ Santiago u kif dawn se jeffettwaw il-ġrajja li se nkunu qed insegwu.

Ritratt: Ivan Borg

L-ilbies u l-ambjent ta’ din il-ġrajja se jdaħħlu lit-telespettatur jħossuhom qed jgħixu f’era differenti.

Ritratt: Ivan Borg

Apparti Santiago fil-ġrajja hemm ukoll martu, u wlied Giuseppe u Antonino, magħruf bħala Toto.

Iżda x’inhu dak li se jiġri li jwassal biex tixxellef l-integrita’ u l-isem tal-familja ta’ Santiago?

Ritratt: Ivan Borg

Min hija l-familja Garsena?

Jidher li hemm bosta atturi magħrufa li qed jagħtu sehemhom f’din il-produzzjoni u dawn jinkludu lil Mario Micallef, Evelyn Saliba La Rosa, Aaron Fenech, Malcolm Ellul u Mark Mifsud.

Ritratt: Ivan Borg

Bla dubju din is-sensiela se tkun drama oħra ta’ kwalità li se żżomm lit-telespettatur jixxennaq għal aktar kif inhuma mdorrijin iwasslulna Rewind Productions.

Ritratt: Ivan Borg