Ritratti: Wara li salvathom tixtieq issibilhom dar

Tfajla ta’ 16-il sena minn Ħaż-Żabbar dan l-aħħar salvat erba’ qtates li kienu għadhom kif twieldu, u li kienu mitluqin f’kaxxa fit-triq.
Ma’ Newsbook.com.mt Keoney Demicoli qalet li meta rat dawn il-frieħ mitluqa fix-xemx, tħassrithom u ħadithom magħha d-dar.
Spjegat kif il-ġenituri tagħha qalulha li kienu lesti li jżommuhom u jieħdu ħsiebhom. Fost l-oħrajn bdew jisquhom mil-flixkun.
Irrakkuntat kif tnejn minnhom ma kinux jidhru f’saħħithom u għaldaqstant ħadithom għand il-veterinarju, li min-naħa tiegħu tahom id-dripp biex isalvahom. Qalet li ftit tal-jiem ilu, miet wieħed minnhom.
Keoney qalet li issa fadlilhom tlieta, u qed jippruvaw  jibdew jagħtuhom l-ikel minflok il-ħalib mil-flixkun.
Żiedet tgħid li qed jippruvaw isibulhom dar ġdida, minħabba li diġà għandhom żewġ qtates oħra d-dar.