Ritratti: Uċuħ imbeżżgħa, konfużi; darhom tieħu n-nar

Miguela Xuereb

20 immigrant illum ġew arrestati talli allegatament bdew ikissru parti mid-dormitorju ewlieni taċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa, u mbagħad taw in-nar lid-dormitorju, li nfirex għall-gym. Il-binja nħakmet min-nirien. Id-dħaħen kbar setgħu jintlemħu minn diversi postijiet f’Malta.

Ħadd ma weġġa’, iżda 11-il ħaddiem taċ-Ċentru u tliet residenti kellhom bżonn assistenza medika minħabba d-duħħan li belgħu.

Meta ġiet evakwata l-binja sabiex l-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili jitfu n-nirien, ir-residenti, b’total ta’ madwar 480, fosthom tfal u trabi, inġabru barra, beżgħana minħabba s-sitwazzjoni li sabu ruħhom fiha. Bdew ifittxu faraġ f’xulxin u jħossuhom mitlufin. Ħafna minnhom kienu ħafjin jew lebsin ħwejjeġ ħfief għal dan it-temp, peress li kellhom joħorġu malajr u ma laħqux libsu ħwejjeġ addattati.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne żar il-post u tkellem mar-residenti u mal-ħaddiema.

Iċ-Ċentru tal-Marsa qabel kien ċentru miftuħ li r-residenti kienu liberi jidħlu u joħorġu kif iridu fih. Issa jintuża bħala l-ewwel post fejn joqogħdu l-immigranti meta jaslu Malta sakemm tiġi assessjata l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil jew sakemm jintbagħtu f’xi pajjiż ieħor.  

Ilbieraħ stess, għadd ta’ immigranti bdew “rewwixta” f’Safi Barracks f’Ħal Kirkop. 22 minnhom tressqu l-qorti llum fejn wieġbu mhux ħatja, u qed jinżammu arrestati.