Ritratti u filmati: Rekord ta’ nies għas-16-il edizzjoni ta’ Birgufest

L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Birgufest kienet ukoll waħda oħra ta’ suċċess hekk kif kien hemm rekord ta’ attendenza għal dan l-avveniment annwali.

Din is-sena sar esperiment fejn l-ispettaklu fuq il-palk beda mill-4pm u kien hemm bosta turisti li żaru l-lokal minn kmieni wara nofsinhar.

Raquel, Sterjotipi, kif ukoll Klinsmann u Ozzy Lino akkumpanjati mill-bands rispettivi tagħhom żammew l-atmosfera għaddejja fuq il-palk prinċipali, filwaqt li f’kull triq kienet għaddejja attività u spettaklu ta’ kull tip.

Dorianne Mamo ppreżentat is-serata. Ir-ritratti ttieħdu mill-fotografu Melvin Degiorgio li ta’ kull sena jieħu ħsieb li jiġbed l-isbaħ mumenti minn kull triq waqt l-attività tal-Birgufest.

Il-Kunsill lokali tal-Birgu rringrazzja lill-Kunsilliera u bosta volontiera li taw sehimhom fl-edizzjoni ta’ din is-sena, kif ukoll irringrazzja lil dawk kollha li ħadu ħsieb li wara li ntemmet l-attività ħadu ħsieb it-tindif tal-post.

Fil-ġranet li ġejjin għandha titħabbar id-data tal-attività tas-sena d-dieħla, li mistennija tinkludi bosta inizjattivi ġodda biex Birgufest jkompli jikber.