Ritratti u filmat: X’tirrappreżenta ż-żigarella l-ħamra?

Jekk kont il-Belt dalgħodu u rajt, jew ingħatajt, xi żigarella ħamra, dan għaliex l-Għaqda Maltija tal-Istudenti tal-Mediċina (MMSA) llum għalqet ġimgħa sħiħa ta’ attivitajiet organizzati bl-għan li toħloq kuxjenza fost il-Maltin dwar il-marda tal-AIDS, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra l-AIDS fl-1 ta’ Diċembru.

Iż-żigarella l-ħamra, fil-fatt, hija simbolu universali għall-qawmien tal-kuxjenza dwar il-marda, u sinjal ta' appoġġ mal-pazjenti li qed jiġġieldu l-marda. 
It-tema li ntgħażlet għall-Jum Dinji kontra l-Aids ta’ din is-sena hija #LetsEndIt, jew ‘Ejjew Neqirduha’, li tirrifletti l-għan tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa biex mhux biss teqred il-marda, iżda biex teqred l-istigma madwar il-marda wkoll.
L-istudenti tal-mediċina għalhekk inġabru fil-Belt Valletta dalgħodu biex jagħlqu bil-kbir din il-ġimgħa ta’ qawmien ta’ kuxjenza dwar il-marda.
Minbarra li ħejjew għadd ta’ logħob interattiv b'kollaborazzjoni mal-għaqda studenteska We Are, rigali, fuljetti bl-informazzjoni, żigarelli ħomor li żejnu l-Belt u ħajt tal-graffiti ffirmat mill-President ta’ Malta, il-membri kreattivi tal-MMSA tellgħu spettaklu qasir għan-nies għaddejjin mid-daħla tal-belt hekk kif żifnu żifna flimkien quddiem il-Parlament.
Inizjattiva mil-isbaħ tal-MMSA kienet il-‘kaxxa tax-xewqat’, fejn l-istudenti ġabru messaġġi ta’ motivazzjoni miktubin minn persuni li xtaqu jagħtu kuraġġ lill-pazjenti li qed jiġġieldu l-marda.
Waqt li kienu għaddejjin l-attivitajiet, l-istudenti kienu qed juru wkoll filmati ta’ nies qed jiġu ttestjati għal marda biex juru l-proċess x’jirrikjedi, u fl-istess ħin ikomplu jnaqqsu l-istigma madwar il-marda.
Illejla, l-istudenti se jkunu qed imexxu vġili biex ifakkru fil-vittmi ta’ din il-marda kiefra, filwaqt li jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-persuni li għadhom qed jiġġielduha.  
Ritratti: MMSA