Ritratti u filmat: Jinħelsu żewġ fjamingi żgħar

Read in English.

BirdLife Malta stqarret li ħelset żewġ fjamingi fir-Riserva Naturali tal-Għadira, wara perjodu qasir fil-kura tagħha.

Fi stqarrija, hi spjegat li ż-żewġ fjamingi kienu frieħ li ffurmaw parti mill-qatgħa kbira li kienet osservata tpassi minn fuq il-Gżejjer Maltin fl-20 u l-21 ta’ Awwissu. Spjegat li xi kultant, iż-żgħar jegħjew u jinfirdu minn mal-kumplament biex jistrieħu.

BirdLife Malta żiedet tispjega li wieħed instab f’Daħlet Qorrot f’Għawdex fejn niżel f’nofs il-bajja fl-20 ta’ Awwissu. Dan ġie salvat minn uffiċjal tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), u ttieħed għand il-veterinarju tal-gvern li sab li kien għajjien.

It-tieni fjamingu nġabar l-għada minn membri tal-għaqda Kaċċaturi San Ubertu (KSU) fl-inħawi tal-Għadira s-Safra. Huma għaddew l-għasfur f’idejn BirdLife Malta u dan ittieħed għand il-veterinarju tal-gvern biex jiġi eżaminat. Anke f’dan il-każ instab li kulma kellu l-fjamingu kienu sinjali ta’ għeja minħabba l-passa.

Aqra: Filmat: Il-Kap Eżekuttiv tal-BirdLife jgħid li ra kaċċaturi jisparaw fuq fjamingu żgħir

Fl-istqarrija ġie spjegat li wara li l-veterinarju tat il-kunsens tagħha, iż-żewġ fjamingi nħelsu fl-Għadira nhar it-Tlieta 3 ta’ Settembru. Qabel inħelsu minn staff tar-riserva, twaħħlilhom ċurkett.

Filmat: BirdLife Malta, Jose Luque