Ritratti: ‘Twissija’ mal-binja tal-Qorti?

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Erbgħa filgħodu ħaddiema tal-Gvern dehru jaqtgħu ngassa imdendla mal-ġenb tal-binja tal-Qorti fil-Belt Valletta.

L-ingassa kienet imdendla ma’ sinjal tal-parkeġġ, eżattament taħt kamera tas-sigurtà. Osservaturi qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-ingassa hija simili għall-‘avvertimenti’ (twissijiet) tal-Mafja u ‘pentiti’ (dawk li jammettu l-involviment tagħhom f’att kriminali u jixhdu kontra l-kompliċi fil-każ).

L-ingassa ġiet innutata mill-politiku indipendenti u eks kandidat għall-Parlament Ewropew, il-Professur Arnold Cassola.

Malta's Mafia? This was at the lawcourts this morning. A Maltese mafia "avvertimento"?Source: Gianluca Cappitta

Posted by Arnold Cassola on Tuesday, July 21, 2020

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, f’konferenza tal-aħbarijiet fid-9.30am, qal li ra r-ritratti tal-ingassa ftit minuti qabel il-konferenza. Spjega li se jagħmel il-verifiki meħtieġa u li s’issa l-Pulizija m’għandha l-ebda dettalji.

Il-ħabel iddendel fl-istess jum li Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li ħafna issa qed isejħulu ‘pentito’, ġarrab ġrieħi serji, skont il-Pulizija weġġa’ lilu nnifsu serjament.

Theuma kien se jixhed waqt is-seduta tal-lum fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista. Theuma kien mistenni jixhed dwar rikording, li skont l-avukati ta’ Fenech, is-sensar fl-assassinju kien għadu ma xehedx dwaru. Il-maħfra presidenzjali li ngħata Theuma biex jikxef l-informazzjoni kollha li kellu dwar il-każ, ġiet preżentata fil-Qorti llum.