Ritratti: Tużawx dan il-prodott għax ikkontaminat

Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovritendenza tas-Saħħa Pubblika qed tinforma lill-pubbliku sabiex jevita milli juża straws magħmulin mill-karti minħabba li huma kkontaminati.

Fi stqarrija, id-Direttora qal li skont is-Sistema Rapida tal-Ikel u l-Għalf, il-prodott imsemmi m’għandux jiġi użat minħabba li fil-kisja tiegħu nstab li hemm livelli elevate ta’ 3-MCPD. Dan huwa grupp ta’ kontaminanti li jiffurmaw waqt li jkunu qed jiġu proċessati ż-żjut tal-ikel. Meta jkun hemm livell għoli tagħhom, jista’ jkun hemm effett negattiv fuq is-sistema riproduttiva tal-bniedem, kif ukoll jistgħu jkunu karċinoġeni.

L-istraws tad-ditta ‘unique’ huma magħmulin mill-karti, b’kisja protettiva biex ma jitqattgħux malajr meta jiġu f’kuntatt mal-likwidi. Huma jinsabu f’pakkett tal-plastik transparent b’10 straws f’kull pakett. In-numru tal-lott huwa YY17, in-numru tal-artiklu huwa 62084, filwaqt li l-barcode huwa 011179620845

Għal aktar informazzjoni, il-pubbliku jista’ jċempel lis-Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa fuq in-numru 2133 7333 mit-8am sas-2:30pm jew jibgħat email fuq mhi@gov.mt.