Ritratti: Traffiku kawża ta’ ħabta f’San Ġwann

Inċident tat-traffiku bejn żewġ karozzi huwa l-kawża ta’ konġestjoni tat-traffiku fi Triq Reġjonali, minn ħdejn ir-roundabout tal-Kappara sal-mina ta’ Paceville.

L-inċident seħħ għal ħabta tas-12.45 p.m. fi Triq Reġjonali f’San Ġwann.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li l-mara kienet qiegħda ssuq Citroen C3 fid-direzzjoni ta’ Paceville, ħabtet ma’ BMW 320D misjuqa minn raġel ta’ 65 sena minn Għajnsielem.

Mad-daqqa, il-BMW spiċċat tħares fid-direzzjoni opposta filwaqt li s-Citroen daħlet fi crash barrier.

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħarġu lill-mara minn ġol-karozza tagħha u ttieħdet l-Isptar Mater Dei.

Il-kundizzjoni tal-mara għadha mhix magħrufa.