Aġġornata: Ritratti: 7 mejta u diversi maqbuda wara li ġġarrfet binja ta’ 7 sulari fil-Kambodja

Seba’ persuni mietu wara li binja ta’ seba’ sulari ġġarfet kmieni s-Sibt filgħodu fil-Kambodja.

L-awtoritajiet qalu li s’issa nstabu seba’ persuni mejta, filwaqt li diversi persuni oħra jinsabu maqbuda taħt it-tiġrif. S’issa madwar 20 ħaddiem ġew salvati minn fuq is-sit, u 22 jinsabu mweġġgħa. L-uffiċjali qed jikkalkulaw li hemm 30 persuna nieqsa jew li qed jibżgħu li għadhom ġewwa.

Jidher li l-ħaddiema, li jammontaw għal madwar 50 persuna, kienu qed jorqdu fl-istess sit sakemm ix-xogħol ikun lest.

It-tliet vittmi ġew identifikati bħala ħaddiema li kienu qed jaħdmu fuq is-sit.

Skont rapporti fil-midja internazzjonali l-binja, li kien qed isir manutenzzjoni fuqha, kienet propjetà ta’ kumpanija Ċiniża.

Tul dawn l-aħħar snin il-belt ta’ Sihankoukville, fejn iġġarrfet il-binja,  għaddiet minn transformazzjoni kbira hekk kif inbnew għadd kbir ta’ lukandi u casinos.