Ritratti: Tkompli titwaqqa’ fabbrika fl-Imrieħel

Kmieni dalgħodu, l-Awtorità tal-Ippjanar kompliet bix-xogħol ta’ demolizzjoni tal-fabbrika fl-Imrieħel li kienet inbniet illegalment fit-tmeninijiet fuq żona ODŻ.
F’Jannar li għadda, meta l-Awtorità kienet fil-bidu tal-infurzar tad-demolizzjoni, ix-xogħol twaqqaf wara li l-Qorti aċċettat, b’mod temporanju, mandat ta’ inibizzjoni mitlub minn raġel li kien qed irabbi numru ta’ annimali fl-istess fabbrika.
Madanakollu, fi stqarrija, l-Awtorità qalet li aktar tard, il-Qorti irrifjutat it-talba tar-raġel u tat il-permess sabiex jitkompla x-xogħol.
Skont l-istqarrija, il-fabbrika tkopri 2500 metru kwadru u tinkludi binja kbira ta’ sular wieħed, bi ftit kmamar fuq is-saqaf, entratura kbira tal-konkrit, pjattaforma u ħitan tal-konfini.
L-Awtorità qalet ukoll li qed tmexxi din id-demolizzjoni flimkien mal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), il-Wasteserve u l-Pulizija.
Sorsi qalu ma’ Newsbook.com.mt li bħalissa qed jiġi sseparat il-ħadid minn mal-konkos u l-ġebel, permezz ta’ makkinarju speċjali sabiex jiġi rriċiklat. Ix-xogħol mistenni jdum diversi jiem.
Ritratti: Ian Noel Pace