Ritratti: Timmaġinak tgħix hekk? Familja Maltija spiċċat f’dawn il-kundizzjonijiet

Hekk kif id-diskrepanza bejn dawk li jaqilgħu ħafna u dawk li għandhom il-ftit tkompli tikber, ikomplu joħorġu stejjer dwar x’jaffaċċjaw ta’ kuljum familji Maltin inqas ixxurtjati minn ħaddieħor.

Newsbook.com.mt iltaqa’ ma’ familja li tgħix f’appartament tal-Gvern f’Malta. Is-saqaf tagħhom qed jaqa’ biċċiet. Imwerwrin għal ħajjithom.

Il-familja bilkemm tista’ tlaħħaq mal-ispejjeż tal-ħajja ta’ kuljum. Spejjeż ta’ xogħlijiet ta’ tiswija jonqoshom.

Qalu li s-saqaf tal-kċina lest jisfronda. Il-Perit qalilhom biex kemm jista’ jkun ma joqgħodux fiha.

Wegħdi sarulhom kemm trid. Apparti mis-silenzju mill-awtoritajiet, il-familja ħasset li anke l-Partit Nazzjonalista ma semax il-karba tal-għajjut tagħha – ħlief meta xi ħadd ikollu bżonn xi vot. Qalet li minkejja l-wegħdi kollha tiegħu li jiġi jara l-periklu b’għajnejh, il-Viċi Kap tal-PN David Agius qatt ma rifes mill-għatba ‘l ġewwa.

Affaċjata b’dan il-dlam ċappa l-familja daret lejn Newsbook.com.mt għall-għajnuna f’Settembru li għadda.

Il-familja kienet ilha diversi xhur mingħajr ma semgħet xejn dwar x’se jiġri minnha. Newsbook.com.mt beda jsegwi l-każ u kkuntattja lill-awtoritajiet. Ftit wara beda jkun hemm xi żviluppi. Il-familja rċeviet żjara mill-Building Regulation Office (BRO), kien hemm ftit ċaqlieq mill-Awtorità tal-Housing, u telefonati mill-PN.

Jibda x-xogħol, imma…

Fil-jiem li għaddew fl-aħħar beda jsir xi xogħol. Il-partijiet perikolużi tas-saqaf tneħħew. Però jidher li ma ngħatax wisq każ lejn it-tbassir tat-temp minn min kien responsabbli. Għamlet ix-xita u l-appartament spiċċa mgħerreq. Minħabba l-ilma li daħal, mar id-dawl fl-appartament.

Newsbook.com.mt staqsa lill-Awtorità tad-Djar min huwa l-kuntrattur, kif intgħażel u jekk hux se jittieħdu xi passi kontrih. Staqsa wkoll min qed isegwi l-każ min-naħa tal-Awtorità tad-Djar u jekk hux se ssir investigazzjoni dwar din il-persuna u x-xogħol li qed tagħmel. L-Awtorità ma weġbitx dawn il-mistoqsijiet sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu.

X’qalu tal-Housing?

Fl-20 ta’ Settembru, kelliema għall-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali qalet lil Newsbook.com.mt li l-inkwilin għamel kuntatt mal-Awtorità tad-Djar li kien hemm bżonn li jsiru xogħlijiet ta’ tiswija fl-appartament tiegħu.

“L-Awtorità tad-Djar ħadet azzjoni fuq dan il-każ mal-mument li daħal ir-rapport,” qalet il-kelliema.

Qalet ukoll li Perit tal-Awtorità għamel spezzjoni fuq il-post biex jara x’xogħol għandu jsir. Spjegat li b’mod immedjat ġie installat shuttering biex “jitneħħa kull periklu”. Żiedet tgħid li ġie ingaġġat kuntrattur biex jagħmel ix-xogħlijiet neċessarji.

David Agius x’kellu xi jgħid?

Fit-22 ta’ Settembru, Newsbook.com.mt staqsa lill-Viċi Kap tal-PN David Agius għalfejn qatt ma mar biex jara l-kundizzjonijiet li fiha qed tgħix il-familja minkejja li kien wiegħed li jagħmel hekk. Agius qal li l-każ jinsab f’idejn il-kunsillier Ian Vassallo.

“Nassigurak li jien dejjem kont, għadni, u se nibqa’ viċin in-nies għas-servizz tagħhom,” qal Agius. Żied jgħid li l-każ ingħata attenzjoni mill-midja ta-PN u li l-Gvern Laburista jidher li ma għamel xejn.

Is-sit tal-aħbarijiet tal-PN, ippubblika storja dwar il-familja f’Mejju 2019.

Skont in-NET, “Minkejja dan il-periklu kostanti, l-awtoritajiet baqgħu jinjoraw is-sitwazzjoni tant li s-sidien ilhom seba’ xhur jistennew telefonata fejn jinfurmawhom li sabu soluzzjoni. L-unika ħaġa li semgħu mill-awtoritajiet kienet twissija biex joqgħodu attenti għax il-post hu perikoluż u kundannat.”

“M’hemmx periklu imminenti” – BRO

Fl-24 ta’ Settembru, il-Kap tal-Building Regulations Office (BRO) Michael Ferry qal lil Newsbook.com.mt li ra ritratti li ttieħdu mill-post li juru wear and tear komuni għal djar mibnija 40 sena ilu. Spjega li s-saqaf irid jitranġa imma li m’hemmx periklu imminenti.

Fid-29 ta’ Settembru, il-Kunsillier tal-PN Ian Vassallo qal lil Newsbook.com.mt li kien f’kuntatt mal-familja.

“Din il-familja tgħix fi stat ħażin fejn il-post huwa kkundannat. Kuljum jibżgħu li jaqa’ s-saqaf speċjalment meta tagħmel ix-xita. Minbarra l-kċina hemm postijiet oħrajn fid-dar li huma kkundannati.”

“Jien qed inkompli nżomm kuntatt biex nara kif inhu possibli li ngħinuhom. Ħa naraw x’ħa jkun ir-riżultat tal-vista mill-aġenti tal-housing,” qal Vassallo.

Fl-20 ta’ Settembru, l-Awtorità qalet li se jsir ukoll lift fil-blokka taħt l-iskema LFT. It-tender intrebaħ u x-xogħlijiet kellhom “jibdew fi ftit żmien”. Meta Newsbook.com.mt mar fuq il-post fil-31 ta’ Ottubru x-xogħol kien għadu ma bediex. Skont l-Awtoritá tal-Ippjanar (PA) saret applikazzjoni għall-bini tal-lift f’Lulju tal-2018. Il-permess ħareġ lejn l-aħħar ta’ Ġunju 2019.

L-Awtorità tad-Djar qalet li l-inkwilini li jgħixu f’housing soċjali għandhom jagħmlu xogħlijiet ta’ rutina fl-appartament li jkunu qegħdin jgħixu fih biex jinżamm fi stat tajjeb.

Din l-istorja ġiet aġġornata.