Ritratti: Timijiet tal-off-road Maltin f’avveniment diffiċli fl-Italja

Ħames timijiet tal-off-road Maltin membri tal-All Wheel Drive Club Malta ħadu sehem f'avveniment diffiċli u estrem fin-Nofsinhar tal-Italja.
L-avveniment li huwa magħruf bħala WTI Warn Trophy Italy Extreme Offroad ġie organizzat f'Benestare, muniċipalità żgħira fil-Provinċja ta' Reggio Calabria, 90 kilometru fil-Lbiċ ta' Catanzaro u madwar 40 kilometru fil-Lvant ta’ Reggio Calabria. L-avveniment ta’ tlett ijiem seħħ bejn is-6 u t-8 ta' April.
It-timijiet Maltin kienu Nusu Off-Road Racing Team magħmul minn missier u iben Neville u Lee Ciantar, Borg Racing Team magħmul minn Owen Borg u Rupert Galea, Hulk Racing Team magħmul minn Brandon Cassar u Thomas Galea, Maxxis Racing Team magħmul minn Jeffrey Pulis u Derek Vella, u t-tim Wild Crawler magħmul minn Robert Caruana u Alan Zahra.
Tliet timijiet Maltin rebħu l-ewwel tliet postijiet tal-Kategorija Ultra 4, Nusu Off-Road spiċċa l-ewwel segwit minn Borg Racing Team fit-tieni post u Hulk Racing Team fit-tielet post. Maxxis Racing Team spiċċa fir-raba’ post wara li kellu ħsara mekkanika fis-sospensjoni ta’ wara.
Wild Crawler Team ikkompetew fil-Klassi akbar u aktar estrema u spiċċaw ukoll fl-ewwel post.
Din il-kompetizzjoni hija waħda estrema ħafna, rat 14-il tim li kkompetew u koprew 70 kilometru fi tlett ijiem. It-terren ivarja minn bajjiet, xmajjar niexfa u blat enormi. Skont l-organizzaturi, it-timijiet kollha Maltin għamlu biċċa xogħol tajba b'mod partikolari Team Hulk, li skonthom kien magħmul minn sewwieq u navigatur żgħar u b'Range Rover relattivament żgħir li kkompeta kontra vetturi mtejba, akbar u aħjar.