Aġġornata bir-ritratti: Iweġġa’ żiemel waqt it-tiġrijiet fl-Imrieħel

Ritratt li ttieħed waqt it-tiġrijiet taż-żwiemel li saru fil-Bypass tal-Imrieħel juru żiemel imweġġa' mixħut mal-art. Minħabba dan l-inċident kien hemm iżjed dewmien biex it-triq terġa' tinfetaħ għat-traffiku.

Aktar kmieni:

Fiċ-ċentru ta’ Malta bħalissa hemm traffiku kbir hekk kif il-Bypass tal-Imrieħel tinsab magħluqa minħabba li qed isiru tiġrijiet taż-żwiemel.

Il-Bypass ingħalqet f'xi nofsinhar u nfetħet ftit qabel is-sitta ta' filgħaxija.  Jidher li t-traffiku hu mifrux f’diversi lokalitajiet, fosthom f’Ħal Qormi, Santa Venera, il-Marsa, Ħ’Attard u l-Ħamrun.

Nies li lmentaw ma' Newsbook.com.mt qalu li t-tiġrija qed issir fl-agħar ħin hekk kif bosta studenti spiċċaw biex marru tard għall-eżamijiet tal-MATSEC. Kien hemm min għamel sagħtejn imwaħħal fit-traffiku.

Jidher li l-permess inħareġ minn Transport Malta u l-Kunsill Lokali Qormi ma sabx oġġezzjoni. Newsbook.com.mt iżda hu infurmat li uħud mill-kunsilliera ma ġewx ikkonsultati bid-deciżjoni.

Din mhux l-ewwel darba li l-Bypass tal-Imrieħel kellha tingħalaq minħabba tiġrijiet taż-żwiemel.  Fix-xhur li għaddew ġew organizzati tiġrijiet simili b’risq il-karità.  Anke dawk id-drabi kien hemm nies li lmentaw bit-traffiku esaġerat li nġemgħa.

Ritratti: André Farrugia u Maltese Roads Traffic Updates