Ritratti: Tiftaħ uffiċjalment l-iskola medika ta’ Barts

Read in English.

Wara 17-il xahar ta’ ħidma, infetħet uffiċjalment l-iskola medika ta’ Barts f’Għawdex. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan mhux biss investiment fl-ekonomija ta’ Għawdex iżda anka fil-komunità.

Waqt iċ-ċerimonja, l-Prim Ministru appella lill-istudenti biex meta jiggradwaw iħarsu lejn Għawdex biex jibqgħu jaħdmu u jgħixu hemm stess. Stqarr li dawk kollha li qed jitgħallmu f’Għawdex m’humiex numri.

Skont il-Prim Ministru din l-istituzzjoni f’Għawdex tista’ titqies bħala l-aqwa waħda fil-Mediterran. Waqt il-ftuħ uffiċjali tkellmu wkoll studenti, rappreżentanti ta’ Queen Mary University of London u rappreżentanti ta’ Barts.

Il-binja tinkludi awditorjum b’140 siġġu, żewġ teatri li jistgħu jingħaqdu u jokkupaw 120 persuna, żewġ labs bil-kompjuters u kmamar għat-tagħlim u għat-taħriġ kliniku. Fil-binja hemm ukoll librerija, post fejn l-istudenti jistgħu jingħataw l-għajnuna, kantin u uffiċini.

Id-Direttur Fiona Wilson qalet li għalkemm il-faċilità se tkun immirata għall-istudenti tal-mediċina fuq livell undergraduate, qed iħarsu lejn korsijiet u programmi oħra li jistgħu jiġu implimentati waqt il-btajjel tas-sajf.