Ritratti: Tifel ta’ 13-il sena jitħarreġ biex jingħaqad mal-IS

Tifel ta’ 13-il sena li twieled is-Sirja u li jrid ikun magħruf bħala “Abu Hattab”, bħalissa qed jitħarreġ sabiex jingħaqad mal-Istat Iżlamiku, magħruf ukoll bħala l-IS.
It-tifel kien irradikalizzat is-sena l-oħra, meta ingħaqad mal-grupp jiħadista Sham al-Islam. Kellu l-lezzjonijiet dwar is-Sharia u tgħallem kif juża għadd ta’ armi. Illum il-ġurnata, iqatta' ħinu fuq l-internet jara filmati jiħadisti u jitkellem ma’ membri tal-IS fuq Facebook.
Ftit ġimgħat oħra, se jmur Raqqa fis-Sirja, art b’saħħitha tal-IS, biex isir suldat jiħadista. It-tifel qal li “Jogħġobni l-Istat Iżlamiku għax isegwu s-Sharia u joqtlu dawk li ma jemmnux, dawk li mhumiex Sunni u dawk li kkonvertew mill-Iżlam.”
Żied jgħid li “n-nies li qatlu l-Istat Iżlamiku huma aġenti Amerikani, u rridu noqtluhom kif Alla jgħid fil-Koran.” Qal ukoll li meta lill-membri tal-Istat Iżlamiku qalilhom l-età tiegħu, bdew jikkuntattjawh ta’ spiss, jibagħtulu aħbarijiet u ritratti.
Meta ġurnalisti ta’ midja internazzjonali saqsewh għalfejn għażel li jqatta’ tfulitu jiġġieled minflok igawdi l-ħajja, qal li “Jien ma rridx noħroġ mal-ħbieb jew nieħu gost. Allah ordnalna naħdmu u niġġieldu biex ingawdu fil-ħajja li jmiss. Qabel kont immur il-baħar u fil-ġonna imma mbagħad waqaft għax indunajt li kont qed niżbalja.”