Ritratti: Tifel jintlemaħ b’senter tal-kaċċa f’Wied Ħas-Saptan

CABS

Read in English.

Il-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) dalgħodu lemaħ lil tifel li deher li għandu bejn 10 snin u 13-il sena b’senter tal-kaċċa f’Wied Ħas-Saptan.

CABS ikkundanna dan l-aġir tat-tifel li deher idur il-wied f’Birżebbuġa b’senter li ngħatalu minn kaċċatur anzjan. Il-Kumitat ġibed tal-filmat ta’ dan.

Fil-filmat jidher anke l-minorenni jipprepara s-senter b’aktar skrataċ. Il-filmat intwera lill-pulizija, li daru maż-żona, iżda s’issa għad ma rnexxilhomx isibu la lill-kaċċatur u lanqas lit-tfajjel.

L-Uffiċjal għar-Reati fuq l-Annimali Fiona Burrows fakkret li mhux talli hu illegali li nies taħt l-età ta’ 18-il sena jmorru għall-kaċċa, imma li huwa perikoluż u inaċċettabbli li tifel ikun inkoraġġit iwettaq reat b’arma minn persuna li suppost tagħti eżempju tajjeb.

Il-CABS qal ukoll li lbieraħ filgħaxija, raw seqer tal-ħannieqa jinqatel mill-kaċċaturi u sabu kwakka midrub. L-għasfur ingħata lill-BirdLife li llum qaltilhom li sabu gerbub taċ-ċomb fl-istonku tiegħu u f’għonqu. Iż-żewġ speċi t’għasafar huma protetti u b’hekk mhux suppost li ssir kaċċa tagħhom.

Din ma kinitx l-ewwel darba li l-CABS semma’ leħnu fuq il-kaċċa li qed issir f’Ħas-Saptan.