Ritratti: Tibżgħux mill-isfidi u komplu mexjin ‘il quddiem – Seminar għaż-żgħażagħ

Fr Fabio Attard ħeġġeġ liż-żgħażagħ li attendew għas-seminar bl-isem ta’ Boost biex ma jibżgħux mill-isfidi u jkomplu mexjin ‘il quddiem. Dan is-seminar ġie organizzat mill-Malta Catholic Youth Network (MCYN) fl-Esplora fiċ-Ċentru tax-Xjenza Interattiva, f’Bighi, il-Ħamis li għadda.

Iż-żgħażagħ u l-youth leaders li huma involuti fil-Knisja fi gruppi differenti attendew għal seminar ta’ ġurnata fejn fih kellhom l-opportunità li jiddiskutu temi annwali u jaqsmu l-esperjenzi ta’ kif iwasslu l-fidi lil żgħażagħ oħra biex ikunu missjunarji tal-Bxara t-Tajba.

Dan is-seminar kien immexxi minn Fr Fabio Attard Salesjan li huma impenjat fil-pastorali taż-żgħażagħ madwar id-dinja. Huwa tkellem fuq l-importanza li ż-żgħażagħ li għamlu esperjenza ta’ fidi jaqsmuha ma’ ħaddieħor u b’hekk permezz tal-ferħ li jittrasmettu jkunu jistgħu jwasslu l-messaġġ lil dawk li jiltaqgħu magħhom li huma ‘l bogħod mill-Knisja.

F’dan is-seminar tkellem ukoll is-saċerdot żagħżugħ Fr Giovann Tabone MSSP li mexxa workshop dwar kif in-Nisrani jista’ jwassal il-kelma t’Alla permezz tat-talenti tiegħu.

Dan is-seminar serva ta’ follow-up għas-Sinodu tal-Isqfijiet fuq iż-żgħażagħ, il-fidi u d-dixxerniment vokazzjonali li sar f’Ottubru li għadda fil-Vatikan.