Ritratti: Tibdil f’Mater Dei bi tħejjija għal aktar każijiet

Miguela Xuereb

Read in English.

L-awtoritajiet tas-saħħa qed jimmiraw biex ikun hemm madwar 680 sodda għall-pazjenti tal-coronavirus madwar Malta u Għawdex. Għal dan il-għan, qed isir tibdil fl-isptar Mater Dei biex ikunu jistgħu jidħlu aktar sodod.

Il-librerija tax-xjenzi tas-saħħa tal-Università ta’ Malta diġà mtliet bis-sodod. Sa ftit jiem ilu, il-librerija kienet mimlija kotba u mwejjed għall-użu tal-istudenti.

Fuq Twitter, studenta mill-Fakultà għax-Xjenzi tas-Saħħa qalet li għaddiet minn quddiem il-librerija li fiha qattgħet ħafna ħin. Ħasset għadd ta’ emozzjonijiet meta ttawlet mit-tieqa u rat is-sodod kollha.

Fit-12 ta’ Marzu Newsbook.com.mt kien żvela li studenti ntalbu joħorġu mill-Fakultà tal-Mediċina biex l-isptar ikun jista’ jimmassimizza l-ispazju li għandu. Filmat li kiseb Newsbook.com.mt juri l-istudenti ħerġin filwaqt li ħaddiema kienu qed jippakkjaw il-kotba tal-librerija fil-kaxex.

Ritratti ppubblikati llum fuq il-paġna ta’ Facebook tal-isptar Mater Dei juru wkoll li qed isir xi tibdil ukoll fil-canteen li qabel kienet tintuża mill-ħaddiema ta’ Mater Dei.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li f’Malta se jkun hawn total ta’ 600 sodda li jkunu jistgħu jintużaw f’każijiet ta’ Covid-19. Dawn jinkludu soddod ġodda u sodod li ġew illiberati minħabba ċaqliq li sar fl-Isptar Mater Dei. F’Għawdex se jkun hemm 80 sodda.

Skont id-Dipartiment tas-Saħħa, l-isptar Mater Dei għandu 928 “inpatient beds”. Hemm aktar minn 4,000 persuna jaħdmu fih.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn