Ritratti: Theuma nstab f’għadira demm – midja barranija

REUTERS/Darrin Zammit Lupi

L-aħħar żvilupp fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ħasad lill-pajjiż u ssemma anke fil-ġurnali barranin.

Ilbieraħ filgħaxija, Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju, instab bi ġrieħi fid-dar tiegħu, wara li allegatament weġġa’ lilu nnifsu serjament. Huwa jinsab l-Isptar Mater Dei fejn qiegħed f’qagħda kritika.

Illum Theuma kellu jkompli jixhed fil-qorti, fejn kien se jsirlu l-kontro-eżami mit-tim tad-Difiża ta’ Yorgen Fenech. Theuma identifika lil Fenech bħala dak li ordna li jsir l-assassinju fuq il-ġurnalista. F’Novembru li għadda, Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali biex jgħid dak kollu li jaf fuq il-każ fil-qorti. Illum kellha anke titressaq il-qorti l-proklama li ngħatat lil Theuma wara talba mid-Difiża ta’ Fenech.

Il-ġurnali Reuters u The Guardian jiffokaw ir-rapporti tagħhom fuq il-fatt li dan kollu ġara ftit sigħat qabel Theuma kellu jerġa’ jidher quddiem il-Qorti. Ir-rapporti jsemmu wkoll li l-ġrieħi li sofra Theuma kienu fil-kordi vokali u f’żaqqu.

Jissemma wkoll kif fil-qorti, Theuma kemm-il darba qal x’ħajja ta’ terrur għex wara li seħħ l-assassinju. Huwa kien stqarr li ħajtu ntemmet fis-16 t’Ottubru tal-2017 fit-3pm.

L-avukat tal-familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi, qajjem suspett fuq jekk dan kienx veru attentat ta’ suwiċidju. Madankollu, huwa neħħa dak li kiteb minn fuq Facebook ftit tal-minuti wara.

Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li se jlaqqa’ lill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista sabiex jiddiskutu dawn l-aħħar żviluppi.

B’reazzjoni għal dawn l-iżviluppi, l-NGO Repubblika tenniet it-talba tagħha sabiex jitwaqqaf tim investigattiv konġunt bejn il-Europol u l-Pulizija Maltija għaliex qalet li jeħtieġ li toħroġ il-verità.