Ritratti: Tgħannaq għall-ewwel darba lin-neputija tagħha

Araniissa

Kull programm ta’ Araniissa huwa speċjali għaliex f’kull programm insibu stejjer ta’ eroj siekta li mill-kwiet ta’ darhom jagħtuna eżempju b’ ħajjithom u għemilhom. Iżda l-programm tal-lum is-Sibt ser ikun wieħed fejn jiċċelebra tassew ħafna valuri sbieħ li l-Maltin u l-Għawdxin iħaddnu b’ tant għożża.

Hekk hi l-istorja tal-familja Gili hekk kif Denise, minkejja problemi serji ta’ saħħa u mobilità, ser taqsam il-kontinenti sabiex tiltaqa’ ma’ ommha u magħha ġġib lit-tifla tagħha sabiex tiltaqa’ għall-ewwel darba ma’ familtha, b’mod partikolari ma’ nannitha!

L-istorja ta’ Denise Gili hija waħda tassew emozzjonanti u xhieda ta’ kuraġġ kbir. Din hija mara kuraġġuża li fiha d-demm Malti baqa’ jbaqbaq u għalhekk kienet u għadha taffronta d-diffikultajiet serji tal-ħajja b’ tant determinazzjoni u eżempju.

Joseph Chetcuti jirrakonta li għall-ewwel Denise kienet għoddha ser taqta’ qalbha – saħħitha ma kinetx ser tippermetti li tivvjaġġa tant bogħod. Iżda bil-perseveranza ta’ Joseph Chetcuti u t-tim tiegħu ta’ Araniissa u bil-kuraġġ ta’ Denise u familtha din is-sorpriża ser isseħ quddiem għajnejkom u bla dubju ser tkun waħda mill-isbaħ li qatt ser ikun hemm f’din il-14-il edizzjoni tal-programm Araniissa.

X’ser jiġri meta omm Denise tiltaqa’ wara tant snin mat-tifla tagħha Denise u x’ser tagħmel meta tilmaħ u tgħannaq għall-ewwel darba lin-neputija tagħha?

Illejla naraw ukoll it-trasformazzjoni ta’ Sandra – omm u nanna minn Bormla li ġiet nominata minn familtha sabiex dawn jgħidulha grazzi ta’ kemm  għamlet u tagħmel magħhom.

Araniissa wkoll ser iwassal b’ tant għożża lit-telespettaturi tiegħu l-istorja ta’ Tracey – żagħżugħa kuraġġuża li ftit ilu għadha kemm tilfet it-telfa ta’ ħuha. Antonia, persuna qrib ta’ Tracey, qalet kemm din it-tfajla speċjali jistħoqqilha tintagħżel għall-programm Araniissa u kien għalhekk li Joseph u t-tim tiegħu għażel lil din it-tfajla sabiex issebbaħ il-programm sabiħ tiegħu.

L-ispettaklu ser ikun wieħed mill-isbaħ, din il-ġimgħa anke bil-parteċipazzjoni tal-veteran fil-maġija Vanni Pulè li qatt ma jiddiżappunta bit-talent tiegħu.

Araniissa jixxandar illejla fit-8.30pm fuq l-istazzjon One.