Ritratti: Tfal taħt theddida – UNICEF

L-UNICEF, l-Aġenzija tat-Tfal ta' Nazzjonijiet Magħquda sostniet kif dawk li huma involuti fil-kunflitti mhumiex qed jagħtu kas il-liġijiet internazzjonali li huma maħsuba biex jipproteġu dawk l-iktar vulnerabbli. 
Ara iktar hawn taħt ritratti ta' tfal minn madwar id-dinja. 

Jacob Thon ta’ 4 snin jilgħab ġewwa s-settlement għar-refuġjati Nyumanzi fl-Uganda. Thon huwa mis-Sudan t’Isfel.
Ritratt: UNICEF/OATWAY

Tifla fuq tal-linja li se titlaq lejn kamp għar-refuġjati fl-Uganda mis-Sudan t’Isfel. Il-kunflitt u l-ġuħ fis-Sudan t’Isfel wassal biex ħafna ħarbu lejn l-Uganda. Il-maġġor parti ta’ dawk li ħarbu kienu tfal u nisa.
Ritratt: UNICEF/OATWAY

Razan u Majed, it-tnejn ta’ 10 snin, jilagħbu fuq żurżieqa fil-Lvant ta’ Ghouta f’Damasku. Fi kliem Razan, kemm ilha li waqfet il-vjolenza ommhom ħadithom kuljum sal-bandli sakemm jidlam peress li kienu qed jiddejqu d-dar. Ir-ritratt hu meħud f’Jannar.
Ghouta għamlet 4 snin taħt assedju b’madwar 420,000 persuna maqbuda fil-ġlied. Ħafna tfal ma jafux x’jiġifieri ħajja mingħajr gwerra u kibru mal-ħsejjes tal-bombardamenti.
Ritratt: UNICEF/Almohibany

Tfal u adulti jaslu fiċ-ċentru ta’ identifikazzjoni viċin il-villaġġ Adhbah, fl-Iraq f’Marzu li għadda wara li ħarbu mill-ġlied bejn l-Istat Iżlamiku u l-forzi tas-sigurtà. Iċ-ċentri ta’ identifikazzjoni kienu mwaqqfa mill-forzi tas-sigurtà biex jassiguraw li l-ISIS ma jinfilittrawx il-kampijiet bħala persuni ċivili u jiċċekkjaw l-identità tal-persuni.
Ritratt: UNICEF/Romenzi

Iraqqini li spiċċaw jaħarbu minn darhom iġorru ħwejjiġhom fil-periferija ta’ Mosul. Ir-ritratt ittieħed f’Marzu li għadda meta kienu diversi dawk li tilfu darhom – fosthom 15,000 tifel u tifla.
Ritratt: UNICEF/Romenzi

Ritratt minn Settembru li għadda juri refuġjati Rohingya għadhom kif waslu mill-Myanmar waqt li qed jaqsmu l-għelieqi tar-ross u art mgħarrqa. Huma qasmu l-fruntiera u ħarbu lejn il-Bangladesh.
Ritratt: UNICEF/Brown

Khalil ta’ 11-il sena li flimkien ma' familtu kien rilokat mill-ikbar kamp għar-refuġjati Palestinjani f’Damasku, Al-Yarmouk. Huwa qal li penġa raġel armat joqtol raġel innoċenti għax kien jaf personalment lil ħafna minn nies li nqatlu fil-gwerra.
Ritratt: UNICEF/Khalil

Ir-ritratt juri t-taraġ li jwassal għax-xelter fi skola fil-villaġġ ta’ Hranitne li tinsab fil-linja li taqsam l-Ukrajna bejn il-partijiet li huma kkontrollati mill-Gvern u dawk li huma kkontrollati minn gruppi oħra fejn il-ġlied kien intensifika. Iktar minn 740 skola sofrew ħsarat jew inkella ġew meqruda kawża tal-vjolenza. Il-kunflitt fl-Ukrajna daħal fir-raba’ sena tiegħu u t-tfal qed ikomplu jgħixu taħt it-theddida tal-bombardamenti mill-ajru.
Ritratt: UNICEF/Kozalov

Min Thiya (xellug) ta’ 10 snin ipinġi oġġett tal-metall li kkaġuna l-mewt tal-ħabib tiegħu So Aung Myo Win hekk kif dan għolla idu biex jarmih u weġġa’ wkoll erba' itfal kif ukoll lil Saw Ba Sun fuq il-lemin tar-ritratt. Dan l-inċident kien seħħ f’April li għadda fil-villaġġ ta’ Ann Ka Law fil-Myanmar.
Ritratt: UNICEF/Brown

Omar ta’ 8 snin bil-wieqfa barra d-dar tat-tajn fejn jgħix flimkien mal-ġenituri u mal-erba' ħutu fil-Kamp ta’ Kutupalong fil-Bangladesh. Omar flimkien ma’ familtu ħarbu mill-Myanmar minħabba li huma Rohingya.
Ritratt: UNICEF/Nybo

Tifel jistenna l-kura, aktarx għall-kolera fl-emerġenza fl-Isptar Al-Joumhouri f’Sana’a fil-Jemen. Is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen kompliet sejra għall-agħar. Bejn April u Lulju ta’ din is-sena kien hemm madwar 400,000 każ suspettuż tal-kolera u daqs 1,900 mewt li kienu assoċjati mal-marda.
Ritratt: UNICEF/Clarke for UNOCHA

It-tifel ta’ Sheren, Ahmad ta’ 18-il xahar rieqed fix-xelter tal-familja li jinsab fiż-żona għas-Sirjani li spiċċaw bla dar f’Zahle f’Bekaa Valley fil-Lvant tal-Libanu.
Ritratt: UNICEF/Ibarra Sanchez

Tfal jattendu l-iskola li l-militar Niġerjan kien ħa lura mill-Boko Haram fl-2015. Għal iktar minn 8 snin il-vjolenza tal-Boko Haram affettwat il-ħajja tal-familji b’mod partikolari tat-tfal fil-Grigal tan-Niġerja.
Ritratt: UNICEF/Bindra

Ritratt ta' suldati tfal qed jieħdu l-kolazzjon f'ċentru ta’ orjentazzjoni mmexxi mill-għaqda Children Catholic National Bureau bl-appoġġ tal-UNICEF f'Kanga, fil-Kongo.
Ritratt: UNICEF/Dubourthoumieu

Tifel tal-minorità tar-Rohingya jpenġi ħelikopter jattakka id-djar fil-Kamp għar-Refuġjati Balukhali, f’Cox’s Bazaar fil-Bangladesh. Madwar 60% tar-refuġjati li qasmu mill-Myanmar għall-Bangladesh kienu tfal. Ħafna mit-tfal fil-kamp kienu qed ibatu minn malnutrizzjoni. Ħafna mill-kampijiet għandhom nuqqas ta’ servizzi għan-nisa tqal.
Ritratt: UNICEF/ LeMoyne