Ritratti: ​Tfal jgħidu kelma mal-anzjani

Għadd ta’ student u għalliema minn diversi skejjel marru San Vinċenz de Paul, biex flimkien mal-anzjani jqattgħu ftit ħin fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew għas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet.
L-istudenti kellhom l-okkażjoni jitkellmu mal-anzjani u jaqsmu magħhom il-ħsibijiet dwar l-esperjenzi tal-passat u tal-preżent.
Filwaqt li t-tfal tgħallmu aktar dwar dak li kienu jagħmlu fi żmienhom l-anzjani, dawn tal-aħħar ġabu memorji nostalġiċi ta’ meta huma kienu tfal. 
Fl-istess okkażjoni ngħata l-premju għall-aqwa pittura jew illustrazzjoni li għamlu t-tfal stess. It-tema ta’ din is-sena kienet “Il-Farfett”, simbolu tad-differenza kif ukoll simbolu għall-għarfien favur l-ambjent.
Minn 83 biċċa xogħol, tlieta ħadu premju individwali kif ukoll premju f’isem l-iskola fejn jattendu l-istudenti rebbieħa.
Għall-attività attendiet is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Justyne Caruana.
Ritratti: DOI – Jeremy Wonnacott