Filmat: Tfajla f’diffikultà fl-inħawi tal-Ġnejna

Tfajla li kienet miexja lejn in-naħat tar-Riviera fil-Ġnejna sabet ruħha f’diffikultà hekk kif waqgħet fl-inħawi tal-bajja magħrufa ma’ dawk li jgħumu bla ħwejjeġ.

Skont kelliema għall-Pulizija, fuq il-post marru l-ħaddiema tal-protezzjoni Ċivili. Jidher iżda li dawn sabu xi diffikultà biex itellgħu t-tfajla u b’hekk issejjaħ fuq il-post il-ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta. Kif jixhdu r-ritratti, jidher li fuq il-post tal-inċident issejħet ukoll ambulanza.

Minn dettalji li kiseb Newsbook.com.mt minn fuq il-post, l-inċident seħħ waranofsinhar u li t-tfajla hi Ingliża ta’ 21 sena, li kisret sieqha hekk kif żelqet fil-passaġġ li kienet miexja fih. It-tabib wasal fuq il-post fil-4.40pm.