Ritratti: Tfajla arrestata f’rejd tad-droga fil-Marsa

Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta
Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta

Il-Pulizija arrestat tfajla ta’ 20 sena residenti l-Birgu f’rejd tad-droga li saret f’garaxx il-Marsa. F’din ir-rejd il-pulizija rnexxielha tagħmel qabda kbira tad-droga.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li għall-ħabta tal-10.30am, il-pulizija ngħatat ordni sabiex il-binja fejn jinsab il-garaxx tiġi ċċirkonadata mill-pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU).

Spjegaw li l-iskwadra tal-iSpecial Intervention Unit (SIU) daħlu fil-post billi qattgħu bieb tal-ħadid li jintuża bħala aċċess, bil-kumplament tal-bieb tal-garaxx kien imbarrat minn ġewwa bil-briks. Il-pulizija setgħu jidħlu ġewwa malli nfetaħ l-aċċess u arrestaw it-tfajla li kienet fuq il-post. It-tfajla allegatament kienet qed tbigħ id-droga.

F’waħda mill-kmamar il-pulizija sabet id-droga: 63 qartas tal-eroina, 110 qratas kokaina u 15-il qartas crack cocaine, li kienu  kollha lesti f’kontenituri sabiex jinbiegħu. Fl-istess kamra nstab ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti. Il-valur fit-triq, ta’ din id-droga ileħħq l-€4,000.

Il-pulizija spjegaw li saret tfittxija permezz tas-sezzjoni tal-Klieb tal-Pulizija (K9), u assisstew ukoll f’din l-operazzjoni l-Pulizija tal-Forensika.

Il-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello fetħet inkjesta dwar dan il-każ u ħatret diversi esperti biex jassistuha. Il-pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni.