Ritratti: Terz taż-żwiġijiet f’Malta mill-barranin

Terz taż-żwiġijiet li saru f’Malta matul is-sena li għaddiet kienu bejn koppji barranin.
Minn statistika li kiseb Newsbook.com.mt mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), minn total ta’ 3,034 żwieġ f’Malta matul is-sena li għaddiet, ftit inqas minn 1,000 minnhom kienu koppji fejn kemm l-għarusa kif ukoll l-għarus kienu barranin.
Fl-2016, kien hemm 1,354 Żwieġ bil-Knisja. Minn dawn, 111-il Żwieġ kienu bejn koppji barranin.
Jidher li qed ikunu it-temp  u l-klima ta' Malta li qed iħajru għadd ta’ koppji barranin biex jiġu jiżżewġu Malta u ħafna minnhom ifittxu li jissiġġilaw imħabbithom f’postijiet storiċi madwar Malta u Għawdex. Dawk kattoliċi jippreferu knejjes u kappelli.
Dan ikkonfermatu ma' Newsbook.com.mt il-wedding planner, Pat Falzon, li spjegat kemm aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jiżdiedu dawk l-għarajjes barranin li jitħajru jiżżewġu Malta.
Pat Falzon spjegat kif ħafna barranin jitħajru jiżżewġu Malta għax f’pajjiżhom, l-aktar dawk li ġejjin mit-tramuntana tal-Ewropa, ftit ikollhom ċans li jorganizzaw iċ-ċelebrazzjoni tat-tieġ, inkluż iċ-ċerimonja fuq barra.
Kompliet tispjega kif ħafna barranin juru x-xewqa li jiżżewġu fuq il-bajjiet, anke minkejja li l-bajjiet ta’ Malta mhux kbar bħal ma ssib f’pajjiżi oħra.
Għall-kuntrarju tal-Maltin, li jippreferu tieġ aktar tradizzjonali, f’xi sala rinomata jew xi lukanda, postijiet oħra li l-barranin jistaqsu biex jiżżewġu fihom huma dawk storiċi.
Falzon semmiet il-Limestone Heritage, it-Torri l-Aħmar u saħansitra anke t-Torri ta’ Kemmuna, bħala postijiet popolari u li ġieli ppjanat tiġijiet fihom.
Falzon kompliet tgħid li lukandi li hawn imxerrda madwar Malta u Għawdex u li għandhom fama tajba ħafna anke barra minn Malta, ukoll huma popolari ma’ dawn l-għarajjes turisti.
Spjegat li l-knejjes jibqgħu popolari ħafna ma’ dawk l-għarajjes barranin li jkunu Kattoliċi. Minkejja li f’Malta għandna ħafna knejjes barokki u mżejna sa snienhom, ikun hemm għarajjes li jippreferu knejjes iżgħar u forsi aktar moderni.
Il-kultura, fosthom id-daqq, iż-żfin, l-ikel u saħansitra l-ambjent Malti huma mfittxija minn diversi barranin li jkunu jixtiequ dik l-laqta Maltija lit-tieġ tagħhom.

Ritratti: ​perfectweddingsmalta.com