Ritratti: Temperaturi fl-Italja jinżlu sa -28°C

Iċ-ċentru u n-naħa t’isfel tal-Italja għadhom isofru temperaturi mill-iktar baxxi u maltempati bis-silġ u l-borra tant li fir-reġjun żgħir tal-Molise, l-iskejjel għadhom magħluqa f’mill-inqas 20 lokalità differenti.
Fil-muntanji taċ-ċentru tal-Italja, it-temperatura matul il-lejl li għadda niżlet sa saħanistra 28 grad taħt iż-żero.
Kienu diversi l-inċidenti fl-aħħar jiem, inkluż wieħed fatali għal raġel li skiddja bil-karozza fuq it-toroq iffriżati fir-reġjun tal-Marche.
Anke pajjiżi bħas-Serbja ntlaqtu minn ksieħ qawwi b’temperatura rekord ta’ 30 grad taħt iż-żero.
Skont l-uffiċċju meteoroloġiku tar-Renju Unit, din il-ġimgħa l-iljieli kienu fost l-iktar kesħin tax-xitwa kollha, b’temperaturi li wkoll niżlu taħt iż-żero sa 12-il grad fin-negattiv.
Fl-Istati Uniti, ix-xjentisti kkonfermaw li l-2015 kienet l-iktar sena sħuna minn kemm ilha tinżamm informazzjoni dwar it-temp.
Diċembru kien ukoll l-iktar sħun u l-iktar wieħed li ġab miegħu x-xita.
Spjegaw li kollox jorbot mal-fatt li l-pjaneta qed tisħon fuq tul ta’ żmien, konsegwenza tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.