Ritratti: Tasal l-għajnuna għan-nisa tqal, ommijiet u tfal Rohingya

L-organizzazzjoni kartitattiva MOAS bdiet toffri servizzi mediċi lin-nisa tqal, ommijiet u tfal Rohingya, li ħarbu mill-vjolenza li kienu qed jaffaċċaw f’pajjiżhom Mjanmar biex ifittxu refuġju f’Shamlapur fil-Bangladesh.
Il-MOAS bagħtet tim ta’ 49 professjonist mediku kemm mill-Italja kif ukoll minn Bangladesh, fosthom direttur, tmien tobba, sitt infermiera, qabla, u żewġ spiżjara, bl-għan li jwaqqfu t-tixrid tal-mard fil-kampijiet tar-refuġjati, speċjalment fost l-iktar refuġjati vulnerabbli.
It-tim mediku ħa jkun qiegħed jaħdem id f’id mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa sabiex jevita t-tifqigħat tal-mard, billi fost l-oħrajn jintroduċi sorsi ta’ ilma nadif u joffri servizzi tas-saħħa bħat-tilqim lir-refuġjati fil-kampijiet.
Filwaqt li l-għan prinċipali tal-MOAS huwa li jiġġieled il-mard billi jtejjeb in-nutrizzjoni materna u li jagħti ikel iktar sustanzjuż lit-tfal, se jkun qiegħed jaħdem ukoll biex jgħallem lir-refuġjati Rohingya dwar il-mard li jittieħed u kif dan jista’ jiġi evitat, filwaqt li jagħtu l-għajnuna lil persuni fil-bżonn.
L-għajnuna se tibda tingħata minn ġewwa Ċentru tal-Ewwel Għajnuna, li ġie inawgurat fl-14 t’Ottubru.
Il-bastiment tal-MOAS, Phoenix, mistenni jwassal konsenja ta’ għajnuna umanitarja l-ġimgħa d-dieħla, fl-1 ta’ Novembru.