Ritratti: Taparsi hemm xibka f’Lapsi!

Issa li s-sajf daħal ġmielu, l-għawwiema li jinżlu sa Lapsi qed jittamaw li forsi qabel mal-istaġun tal-għawm jibda jara tmiemu, l-awtoritajiet kompetenti jieħdu azzjoni u jagħtu kas is-sigurtà tan-nies.
Wara li aktar minn sentejn ilu f’Lapsi kienet ċeda fil-baħar parti mill-blat, fiż-żona fejn jitniżżlu d-dgħajjes, kienet tpoġġiet xibka tal-ħadid biex jonqos il-periklu. 
Iżda x-xibka qisha ma swiet għalxejn għax apparti s-sadid li għandha minħabba l-ilma baħar, minn żmien għal żmien qed tiġi vvandalizzata, b’konsegwenza li l-għawwiema qed jidħlu jgħumu taħt il-blat li mhux sod.  
Ir-ritratti juru biċ-ċar li saħansitra hemm lasti tal-ħadid iżda bla xibka tal-ħadid.  Dan ifisser li mhemmx xejn li jbiegħed lill-għawwiema mill-periklu. 
Din ix-xibka kienet saret mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fuq ordni tal-Qorti tal-Maġistrati minħabba l-periklu li jeżisti minn blat li jista’ jaqa’ ħabta u sabta.
Jidher li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ma jista’ jagħmel xejn biex isolvi din il-problema, għajr li jiġbed l-attenzjoni tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u jċempel lill-Pulizija kull darba li jirċievi lment li hemm xi ħadd li qabeż ix-xibka.
Il-Kunsill tas-Siġġiewi kemm-il darba jirċievi rapporti li t-tabelli li jindikaw li hemm il-periklu, sparixxew mill-bajja jew inkella qiegħdin fi-baħar.
Fil-fatt bħalissa, viċin is-sellum u x-xibka, mhemmx tabelli li jindikaw li ħadd ma jista' jidħol taħt il-blat minħabba l-periklu.
Is-sena li għaddiet f’Għar Lapsi stess, tpoġġiet xibka u boldijiet tal-istainless steel, mal-blat li hemm fejn l-għar.