Ritratti: Tagħlaq 50 sena mindu bdiet tkanta bħal-lum fl-1970

Kien proprju bħal-lum l-20 ta’ Mejju tal-1970 li Mariella Pace Asciak telgħet għall-ewwel darba fuq palk meta permezz tal-kanzunetta Insellimlek O Marija ipparteċipat fil-Crusanders Song Festival. Kienet ġiet fit-tielet post. Minn dakinhar qatt ma ħarset lura.

Imwielda nhar il-15 ta’ Jannar tal-1958 Mariella hija l-iżgħar fost it-tlett ulied ta’ Louis u Salvina Pace Asciak. Ta’ 14-il sena kienet marret l-Italja għal festival ippreżentat minn Pippo Baudo fejn ironikament ma rrappreżentatx lil Malta iżda l-Eġittu.

Fl-1977 Mariella rebħet borza ta’ studju għal tliet xhur fl-Ingilterra f’għeluq il-25 sena mill-inkurunazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II. Ħadet sehem bosta drabi fil-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija u fil-Fetival Kanzunetta Għall-Ewropa u f-festivals oħra fl-Italja, fi Spanja, fit-Turkija, fit-Tuniżija, fl-Eġittu u fil-Ġermanja.

Fl-1979 Mariella żżewġet lil George Debono u għandhom żewġ ulied, Malvin u Geordie.

Bla dubju li waħda mill-ikbar suċċessi tagħha li għadha popolari sal-lum hija l-kanzunetta Mhux Jien Mamà!