Ritratti: Studenti jissuġġerixxu fil-Parlament li jkollhom Ministru għat-Tfal

Il-maġġoranza tas-siġġijiet fil-Parlament dalgħodu mtlew mill-istudenti tal-EkoSkola ġejjin minn 50 skola differenti, għal-laqgħa annwali tagħhom ma’ dawk li jagħmlu l-policies f’Malta. Fost l-ideat suġġeriti mill-istudenti li spikkaw, kien hemm l-idea li jiġi appuntat Ministru għat-Tfal.

L-attività ġiet organizzata minn Nature Trust Malta, li jmexxu l-programm EkoSkola, b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Ispeaker.

L-istudenti ddiskutew iż-żieda inkwetanti fin-numru ta’ karozzi fit-toroq, l-iskart tal-baħar, u plastik li jintuża darba biss, flimkien man-nuqqas ta’ spazji ħodor f’Malta.

Suġġeriment ieħor tagħhom kien li jiġi appuntat ministru apposta sabiex jirrappreżenta lit-tfal u jitkellem f’isimhom. Dan ikun ifisser laqgħat regolari mal-Membri Parlamentari minflok laqgħa ta’ kull sena. Din il-mozzjoni ġiet approvata unanimament.