Ritratti: Starbucks jiftaħ f’Malta għada; jibda bl-offerti

Starbucks

Kull min iħobb il-kafè għada għandu jisbaħ fil-Waterfront fil-Furjana, peress li se jiftaħ l-ewwel ħanut ta’ Starbucks f’Malta fl-10 ta’ filgħodu. Starbucks oriġina fl-Istati Uniti tal-Amerka u nxtered tista’ tgħid madwar id-dinja kollha, b’miljuni ta’ nies jibdew il-ġurnata tagħhom b’tazza kafè minn hemmhekk.

Malta huwa t-80 pajjiż fejn qed jiftaħ Starbucks, li għandu għażla wiesgħa ta’ tipi ta’ kafè, minn kafejiet klassiċi bħall-kafè latte sa dak magħruf bħala nitrogen infused cold brew.

Starbucks jagħmel l-almu tiegħu biex inaqqas l-iskart, u se jagħti skont ta’ 25 ċenteżmu lil dawk il-klijenti li jużaw magg li jerġa’ jintuża. Huwa jagħti pużati tal-plastik meta n-nies jistaqsu għalihom biss, u qal li se jieqaf juża straws tal-plastik kompletament sal-2020. 

Fil-ftuħ uffiċjali tiegħu, Robert Lynch, il-Viċi President tal-Ħidmiet ta’ Bejgħ għal Starbucks tal-Ewropa, tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika, qal li jittama li dan il-ħanut se jkun magħruf mhux biss għall-kafè eċċezzjonali tiegħu, imma anke biex jiltaqgħu n-nies fih.

Il-ħanut kien iddisinjat biex jirrifletti l-kultura Maltija u anke dik rilassata tal-Mediterran. Malcolm Saliba, il-Maniġer Ġenerali ta’ Starbucks f’Malta, qal li dak kollu li wettqu f’dan il-ħanut sar bil-ħsieb tal-klijenti. Filwaqt li l-esperjenza għandha tkun konsistenti ma’ dik ta’ meta wieħed imur fi Starbucks barra minn Malta, il-klijenti Maltin għandu jkollhom ħjiel ta’ ambjent Malti wkoll, qal Saliba.

Starbucks Malta huwa operat mill-Grupp db.