​Ritratti: Skejjel ippremjati għall-ħidma favur in-natura

Numru ta’ skejjel sekondarji f’Malta ġew ippremjati għall-kisbiet tagħhom tul l-aħħar sena skolastika fi ħdan il-programm Dinja Waħda.
Il-BirdLife Malta spjegat kif dan il-programm nazzjonali b’kollaborazzjoni mad-Direttorat tal-Edukazzjoni jimmira li jressaq lit-tfal eqreb lejn in-natura u anke jinstiga tibdil fil-mod kif iġibu ruħhom bl-għan li jwassal għal stili tal-ħajja aktar sostenibbli.
L-Iskola Medja tal-Blata l-Bajda, Kulleġġ San Ġorġ Preca, Dun Manwel Attard Young Adult Education Resource Centre tal-Wardija, Kulleġġ Marija Reġina, l-Iskola Sekondarja ta’ Ħad-Dingli, Kulleġġ San Nikola, l-Iskola Sekondarja tal-Imrieħel, Kulleġġ Santa Tereża, u ċ-Ċentru ta’ Riżorsi għall-Edukazzjoni Sekondarja Guardian Angel fi ħdan il-Kulleġġ San Ġorġ Preca kisbu suċċess fiċ-ċerimonja li saret.
Il-BirdLife qalet ukoll li 24 membru tal-Grupp tal-Attivitajiet għall-Adulti tagħha għamlu vjaġġ ta’ erbat ijiem fir-riserva naturali u l-ambjent ta’ madwar il-Muntanji Nebrodi biex jesploraw l-ambjent naturali varjat ta’ Sqallija.
Fi stqarrija, il-BirdLife spjegat li l-grupp żar l-Alcantara Gorge, sit popolari li jinsab mal-ġnub tat-tramuntana tal-Muntanja Etna u fejn il-qiegħ tax-xmara ġie affettwat mill-mixja impressjonanti tal-lava li toħroġ mill-vulkan. Akkumpanjati minn gwida ta’ esperjenza, il-membri tal-grupp żaru wkoll żewġ lagi maġenb xulxin li hemm fil-viċinanzi u l-bokka prinċipali tax-xmara waqt li għamlu wkoll waqfa fil-villaġġ ta’ Motta Camastra li jinsab nofs triq int u tiela’ l-Monte Mongivacche.