Ritratti: Siringi minflok tfal u ballun

Ritratti li bagħtu qarrejja ta’ Newsbook.com.mt tal-grawnds Peppi Delceppo f’Bormla juru l-qagħda allarmati li jinsabu fiha.
Nies li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt urew it-tħassib tagħhom hekk kif f’dawn il-grawnds wieħed isib ħmieġ kemm tal-annimali kif ukoll ħmieġ li jarmu n-nies u agħar minn hekk siringi.
Is-Sindku ta’ Bormla Alison Zerafa Civelli qalet ma’ Newsbook.com.mt li jidħlu ħafna ilmenti minħabba dawn il-grawnds.
Qalet li ftit tal-ġimgħat ilu l-Kunsill Lokali bl-għajnuna tad-Direttorat tat-Tindif nadfu l-grawnds.
Saħqet li minkejja x-xogħol li jsir hemm grupp ta’ nies li jibqgħu jabbużaw mill-post.
Żiedet tgħid li dawn il-grawnds jaqgħu taħt kumpanija privata.
Madankollu spjegat li l-Kunsill Lokali ta’ Bormla għadu kif iffirma kuntratt mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali għal fondi biex bi ftehim mal-privat, il-grawnds jerġgħu jiġu f’idejn il-Kunsill.
Temmet tgħid li meta jseħħ dan il-grawnds jiġi rinovati permezz tal-iskema ta’ Finanzjament ta’ Proġetti.
Ritratti: Facebook: Bormla Dizastru Totali