Ritratti: Siġar protetti jitqaċċtu fid-Dwejra

Read in English.

Il-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz ikkundanna l-att vandalu li seħħ fid-Dwejra din il-ġimgħa hekk kif għadd ta’ siġar protetti tqaċċtu u ntefgħet żebgħa ħamra ma’ wieħed mill-kjosks.

Il-Pulizija min-naħa tagħhom ikkonfermaw li qed jinvestigaw dan il-każ billi jkellmu xi nies mil-lokal u jistħarġu jekk hemmx xi filmati ta’ CCTV li setgħu qabdu dawn il-persuni fil-fatt.

Jidher li dan il-każ seħħ bejn il-Ħamis 16 u l-Ġimgħa 17 ta’ April. Ir-rapport tal-inċident ġie rreġistrat dalgħodu.

Newsbook.com.mt irċieva ritratti ġodda ta’ dan l-att vandalu li ġew irrappurtati wkoll lill-Pulizija.

Jidher li waħda mis-siġar li tqaċċtu kienet Bruka li kellha s-snin peress li kienet imħawwla f’tarf it-triq. Oħrajn kienu ġew imħawwlin fl-aħħar snin fil-fetħa li kienet ġiet żviluppata mal-bini mill-ġdid tat-triq li tagħti għad-Dwejra.

Il-Bruka hija siġra protetta bil-liġi u hija siġra li tiflaħ il-melħ li jitla’ bħala raxx tal-baħar.