Ritratti: Sħana kbira fl-ajruport!

Bit-temperaturi għolja li jaf joffri biss Awwissu, l-inqas aptit li jkollok hu li toqgħod xi mkien mingħajr arja kkundizzjonata.
Imma mijiet ta' persuni li llejla kienu fl-ajruport ta' Malta kellhom jistennew ħin twil fis-sħana għax jirriżulta li l-ajra kkundizzjonata tal-ajruport mhix taħdem jew inkella qed taħdem iżda mhux tlaħħaq mal-ammont kbir ta' nies li hemm.
Maltin li ftit qabel ma siefru tkellmu ma' Newsbook.com.mt qalu li "s-sħana li hemm bħalissa fl-ajruport hi tremenda, tant li saħansitra hemm ukoll riħa qawwija ta' għaraq."
Qalu wkoll li s-soltu ma jdumux ma jagħmlu ċ-check-in iżda llum qattgħu siegħa jistennew biex jinqdew meta quddiemhom kien hemm biss 10 persuni.
Jirriżulta li anke l-ħaddiema tal-ajruport qed igergru bis-sħana kbira li hemm.
Il-Maltin li kienu fl-ajruport qalulna li "l-ħaddiema li jiċċekkjaw il-passaport qed idumu aktar mis-soltu biex jaraw id-dokument, b'konsegwenza li qed jinġema' kju twil u geġwiġija sħiħa."

Reazzjoni tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta
Kelliema għall-Ajruport qalet li parti mill-investigazzjonijiet b'rabta mal-black-out fl-ajruport, ilbieraħ kienu qed isiru xi testijiet fuq il-ġeneraturi tad-dawl.
It-testijiet kellhom jibdew fil-5 ta' waranofsinhar iżda peress li t-terminal kien mimli bin-nies, dawn kellhom jiġu posposti għal aktar tard.  
Fi tmiem il-fażi ta' ttestjar, jidher li kollox mar tajjeb u t-testijiet fuq il-ġeneraturi kienu suċċess.

Ritratti fuq info@newsbook.com.mt