Ritratti: Sewwieqa fil-Belt ma jafux minn fejn se jgħaddu

Residenti Beltin ilmentaw ma’ Newsbook.com.mt minħabba tabelli fil-Belt Valletta li qed igerfxu lis-sewwieqa.
Minn għada, Transport Malta se tkun qed tagħlaq Triq San Mark, li minnha bħalissa jidħlu l-karozzi biex ikun jista’ jibda xogħol fuq it-triq.
Id-dħul għall-Belt Valletta se jkun minn Triq Santa Luċija.
It-tabelli li jwissu lis-sewwieqa biex ma jidħlux minn Triq San Mark diġà tpoġġew u għalhekk sewwieqa li jkunu ġejjin minn Belt is-Sebħ qed idawru u jmorru lejn Triq Santa Luċija kif tgħid it-tabella.
Iżda, dawn is-sewwieqa qed isibu ma’ wiċċhom oħrajn li għadhom qed jużaw lil Triq Santa Luċija bħala ħruġ.
Residenta partikolari qalet li għal ftit ma daħlitx f’karozza oħra li sabet ma’ wiċċha malli daret għal Triq Santa Luċija.
Apparti minn hekk, fi Triq Santa Luċija tpoġġew ukoll tabelli biex is-sewwieqa ma jinżlux minnha. Iżda dan l-arranġament, kif tgħid stqarrija ta’ Transport Malta, suppost jidħol fis-seħħ minn għada.
Għalhekk, sewwieqa li għadhom ma jafux b’dan l-arranġament qed imorru lejn Triq Santa Luċija u jsibu dawn it-tabelli ma wiċċhom.
Intant, kelliem għal Transport Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li t-tabelli suppost għadhom mgħottija u li l-arranġamenti tat-traffiku jidħlu fis-seħħ minn għada.
Fil-fatt, minn għada, Triq San Mark se tkun magħluqa u l-karozzi se jidħlu l-Belt minn Triq Santa Luċija. Is-sewwieqa se jkunu qed joħorġu minn Triq San Ġwann.