Ritratti: Sentejn mill-mewt ta’ Charles Thake

Illum jaħbat it-tieni anniversarju mill-mewt tal-attur Charles Thake li kien miet bħal-lum it-12 ta’ Mejju 2018 fl-età ta’ 90 sena.

Charles Thake kien attur ferm maħbub mal-Maltin. Apparti numri kbir ta’ produzzjonijiet televiżivi, films u anki dawk teatrali, Thake kien ukoll jippreżenta diversi programmi fuq ir-radju fosthom Dak Kien Żmien fuq l-istazzjon RTK, li llum huwa 103 Malta’s Heart.

Charles Thake deher ukoll f’numru ta’ produzzjonijiet barrannin li nħadmu f’pajjiżna bħal Agora (2009), Ticket to Ride (1989), Below Suspicion (1989), Black Eagle (1988), Inside Story (1986), Over My Dead Body (1986), The Investigator (1973), The Protectors (1972), Ceremony for the Dead (1972), A Twist of Sand (1968), Vendetta (1967), The Holy Man (1967) u Treasure in Malta (1963).

Fl-1952 beda jaħdem bħala welfare office, pożizzjoni li dam jokkupa għal 33 sena sħaħ. Għal numru ta’ snin kien ukoll jaħdem fid-dipartiment tal-arkivji tal-PBS.

Kien parti mill-kumpaniji teatrali Maleth u Atturi Theatre Group, kif ukoll l-MADC. 

Fost il-produzzjonijiet li kien fihom fit-televiżjoni lokali niftakru F’Baħar Wieħed, Nhar it-Tieġ, Ta’ Horrox Borrox, Inkwiet u Villa Sunset. 

Huwa kien ingħata l-Midalji għall-Qadi tar-Repubblika f’Diċembru tal-2001.

Charles Thake ħalla warajh sitt ulied u bosta neputijiet.