Aġġornata: Iwieġbu li mhumiex ħatja l-akkużati bi traffikar ta’ 111kg droga

Iż-żewġt irġiel, missier u iben, li lbieraħ tressqu l-Qorti akkużati b'pussess u traffikar ta' droga qalu li mhumiex ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Raġel ta’ 55 sena u ibnu ta’ 25 sena ġew arrestati b’rabta ma’ sejba ta’ 111-il kilogramma droga lesta biex tiġi traffikata.
Is-sejba saret waqt tfittxija mill-Iskwadra ta’ kontra d-Droga tal-Pulizija fir-residenza taż-żewġt irġiel fi Triq il-Qattus, f'Birkirkara.
Quddiem il-Maġistrat Consuela Scerri Herrera, instema kif il-Pulizija kienet ilha ġimgħa issus wara l-akkużati, wara informazzjoni li kienet irċeviet dwarhom.
L-aħħar parti tal-invstigazzjonijiet seħħew meta l-Erbgħa filgħaxija l-Pulizija ppruvat twaqqaf liż-żagħżugħ li kien qed isuq f'Raħal Ġdid. 
Hemmhekk dan m'obdiex, u saq minn fuq il-post. Il-Pulizija saqet għal warajh, iżda żgiċċala.
Intqal li fl-istess ħin kien hemm uffiċjali oħra għassa mad-dar, fejn kien hemm il-missier ħiereġ b'kaxxa f'idu. Il-Pulizija ppruvat twaqqfu, iżda l-missier reġa' lura fid-dar u ssakkar.
Hawnhekk il-Pulizija daħlet bil-forza, u fid-dar sabu mas-60kg raża tal-kannabis. Irriżulta wkoll li f'garaxx instabu 60kg ieħor.
Il-Pulizija qalu li 90kg kienu maqsumin fi tliet kaxex ta' 30kg 'l waħda, u l-bqija f'basket tal-gym.
Il-Qorti ordnat li isem l-akkużati għalissa ma jixxandarx.