Ritratti: Sehem ta’ 40 Karkariż f’wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa

L-Għaqda Wirjiet San Ġużepp Ħaddiem qed torganizza, għall-20 sena konsekuttiva, il-Wirja Annwali tal-Ġimgħa Mqaddsa, fiċ-Ċentru Parrokkjali San Ġużepp Ħaddiem, Triq Bwieraq, Birkirkara.
Il-wirja, bit-tema’ ‘Il-Misteru tal-Mewt u l-Qawmien’, hija wirja kollettiva bil-parteċipazzjoni ta’ madwar 40 esebitur minn kull età, fil-biċċa l-kbira tagħhom Karkariżi residenti fil-Parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem stess.
Fost l-oġġetti esebiti f’din il-wirja wieħed jista’ jsib Ċenaklu fuq stil Lhudi, ikkumplimentat bi statwi life size, għadd ta’ settijiet ta’ statwetti tal-Ġimgħa l-Kbira maħdumin minn statwarji varji, mudell ta’ Golgota li jinkludi 'l fuq minn 100 statwetta tat-tafal, żewġ mudelli kbar ta’ knejjes armati bil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira, platti u kwadri bis-smid, ross u għaġin, minjaturi ta’ artali tar-repożizzjoni, kif ukoll diversi oġġetti sagri, oġġetti antiki, kwadri u simboli oħra konnessi mal-Passjoni u l-Ġimgħa l-Kbira.
Il-wirja tiftaħ kuljum sal-Ġimgħa l-Kbira mid-9am sa 12pm u mill-4pm sad-9:00pm.
Nhar Ħamis ix-Xirka, il-wirja tibqa’ miftuħa sa nofsillejl, iżda tkun magħluqa waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddies li tibda fis-6.30pm.
Ritratti: Lino Gatt