Ritratti: “Se nibqgħu niġu hawn”; talba lill-President

Ftit tas-sigħat biss wara li tneħħa l-mafkar ta’ Daphne minn fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir, Occupy Justice flimkien mal-grupp il-Kenniesa poġġew lura aktar fjuri u xemgħat.
Bosta nġabru quddiem il-Qorti fis-6pm sabiex juru rispett lill-ġurnalista assassinata.
Occupy Justice saħqu li mhux se jħallu lill-Gvern iwarrab l-assassinju ta’ ġurnalista u jnessih lill-pubbliku. Saħqu li għadha ma saritx il-ġustizzja u li se jibqgħu jiltaqgħu quddiem dan il-mafkar sakemm issir ġustizzja.
Min-naħa tagħhom, Il-Kenniesa insistew li Malta mhix pajjiż demokratiku iżda huwa pajjiż li jiddetta dak li jrid jidher u jaħbi dak li ma jridx.
Il-Kenniesa talbu lill-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca sabiex tikkundanna dan “l-att ta’ diżrispett” fil-konfront ta’ dawk li jixtiequ l-ġustizzja, kif ukoll fil-konfront tal-ġurnalista assassinata.
Ritratti u Filmat: Beppe Galea