Ritratti: Se jiftaħ ċentru tal-anatomija f’Għawdex

Sa Settembru li ġej, mistenni li jiftaħ Ċentru ġdid tal-Anatomija fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Dan qaluh Barts u l-Iskola tal-Mediċina u d-Dentistrija, fl-Università ta’ Queen Mary, f’Londra.

Il-post se jkun mgħammar bl-aqwa faċilitajiet biex jgħinu fit-tagħlim tal-anatomiija u dak kliniku. Dan se jkun qed jiffoka fuq it-tagħlim tal-istudenti tal-mediċini li se jkunu qed jitilgħu għat-tieni sena kif ukoll dawk li se jibdew l-ewwel sena.

Il-binja se jkollha wkoll post għall-uffiċini tal-akkademiċi, t-tekniċi u l-istaff amministrattiv.

Barts qalu li ċ-ċentru se jkollu laboratorju tal-anatomija apposta fejn l-istudenti jkunu jistgħu jitgħallmu bil-prattika. L-għalliema se jkollhom il-faċilità li jużaw kampjuni anatomiċi u mudelli biex jagħtu l-lezzjoni tagħhom. L-għalliema se jkunu jistgħu jużaw ukoll stampi kliniċi, vidjows t’operazzjonijiet kif ukoll se jkollhom il-faċilità ta’ computer imaging speċjalizzat.

Anthony Warrens, professur fl-Università ta’ Queen Mary qal li dan se jkompli jżid fil-kwalità ta’ tagħlim li diġà qed tiġi offruta.

Nadine Delicata, Uffiċjal ta’ Steward Health Care Malta qalet li flimkien, il-Kampus Universitarju Għawdxi u Bartes jistgħu itejbu l-kwalità tal-kura li tingħata lill-pazjenti Maltin u Għawdxin.