Ritratti: Scouts minn tliet pajjiżi fil-Parlament Malti

Speaker Anġlu Farrugia addresses scout members within Europe- Parliament building, Valletta-17-8-2018
DOI - Kevin Abela

Scouts Maltin mill-grupp ta’ Santa Venera flimkien ma’ dawk mill-Bavarja fil-Ġermanja u mill-Portugall kellhom sessjoni fil-Parlament Maltin flimkien mal-Ispeaker Anġlu Farrugia.

L-Iscouts kienu qed jipparteċipaw fil-programm The Island Explorer li huwa ffinanzjat minn Erasmus+. L-Unjoni Ewropea ffinanzjat €37,518 bħala parti mill-fondi għal youth exchanges.

Fid-diskors tiegħu, l-Ispeaker ddiskuta l-irwol li l-Membri Parlamentari Maltin għandhom fid-demokrazija f’Malta kif ukoll id-diversi aspetti tad-demokrazija bil-mod kif il-liġijiet f’Malta jiddefendu lill-minoritajiet. Huwa spjega li d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-individwu huma protetti bil-liġi.

Il-Moviment tal-Iscouts twaqqaf fl-1907 minn Lord Baden-Powell u huwa ffurmat minn aktar minn 40 miljun scout madwar id-dinja. Farrugia kkonkluda billi qabbel din id-demokrazija rappreżentattiva mal-iscouts u qal li filwaqt li d-deputati jaħdmu għall-ġid komuni, l-iscouts huma mħeġġa biex iħaddnu valuri soda biex iġibu bidla għal dinja aħjar, fejn ikun hemm futur sostenibbli fejn l-ambjent għandu valur, irrispettivament mill-kunsiderazzjonijiet fiżiċi u soċjali.

FL-attività fil-bini tal-Parlament ipparteċipaw ukoll is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Clifton Grima, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus u miċ-Chief Commissioner tal-Iscouts Anton Pisani.