Ritratti: Santa Marija ta’ Għawdex fis-sena tal-pandemija

Ritratt: Paul Camilleri

Il-pandemija tal-COVID-19 din is-sena affettwat iċ-ċelebrazzjonijiet kbar li għal mijiet ta’ snin ilhom isiru f’Għawdex fil-jum ta’ Santa Marija nhar il-15 ta’ Awwissu; sewwa dawk reliġjużi fuq ġewwa fil-Katidral ta’ Għawdex u sewwa dawk fuq barra organizzati kemm mis-Soċjetà Filarmonika Leone u anki mill-Gvern Ċentrali permezz tal-Ministeru għal Għawdex.

Fil-jiem ta’ qabel il-15 ta’ Awwissu, iċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi fil-Katidral inżammu kważi kollha, b’xi tibdil minimu, fosthom l-użu tal-maskri, it-tnaqqis fis-siġġijiet għall-miġemgħa u n-nuqqas ta’ orkestra fil-jiem tat-Tridu Solenni. Intużat biss orkestrina ta’ 6 strumenti u orgni f’quddiesa waħda lejlet u nhar il-festa. Pero f’dawn il-ġranet, is-Soċjetà Filarmonika Leone ħassret il-marċi kollha li s-soltu jsiru, il-programm mużikali ta’ quddiem il-każin tal-banda, l-ikla tradizzjonali tal-festa, id-dimostrazzjoni ta’ Santa Marija u t-Tiġrijiet Nazzjonali ta’ Santa Marija. Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għal Għawdex ħassar ukoll il-Wirja Agrarja u Industrijali ta’ Santa Marija li s-soltu ssir fil-ġonna pubbliċi tal-Villa Rundle.

Fil-15 t’Awwissu, il-quddies kollu fil-Katidral sar fil-pjazza tal-Katidral u għal dan il-għan, fil-5am inħarġet l-istatwa ta’ Santa Marija b’mod privat fil-bieb tal-Katidral u baqgħet hemm sas-1pm. Filgħaxija, fis-6.45pm, kienet il-Banda Ċittadina Leone, immexxija minn Colin Attard, li laqgħet l-istatwa ta’ Santa Marija fil-bieb tal-Katidral t’Għawdex bid-daqq tal-innu Warda Sbejħa tar-Rebbiegħa, ta’ Colin Attard, u l-innu l-kbir Per la Festa di Maria Assunta in Cielo (1913) ta’ Orlando Crescimanno. L-innu kien kantat mit-tenur Charles Vincenti, il-baritonu Alfred Camilleri u l-Aurora Youth Choir. Wara, Mons. Isqof Mario Grech mexxa t-talba tar-rużarju, invoka t-talba tal-Papa Franġisku kontra l-pandemija u ta l-Barka Sagramentali. Din iċ-ċelebrazzjoni bil-banda saret wara konsultazzjoni sħiħa, saru l-istudji tar-riskju u ħarġu l-permessi kollha mill-awtoritajiet ċivili u ekkleżjastiċi. Dan l-avveniment storiku sar bir-responsabbiltà u bl-isforzi tas-Soċjetà Leone.

Il-festa ta’ Santa Marija jirrikorru għaliha għexieren t’eluf ta’ Maltin u Għawdxin. Il-Pjazza tal-Katidral normalment tfur bin-nies fil-ħruġ u fid-dħul solenni ta’ Santa Marija u għalhekk is-Soċjetà Leone ħassitha fid-dmir li tagħmel minn kollox biex din l-esperjenza reliġjuża, f’dawn iż-żminijiet ta’ inċertezzi, ma tintilifx, waqt li tibqa’ sikura għal kull min jista’ jattendi. Għalhekk, il-ħruġ tal-istatwa fil-bieb tal-Katidral sar mingħajr il-preżenza fiżika tal-pubbliku u xxandar live fuq l-istazzjon televiżiv ‘Xejk’ u mad-dinja kollha fuq l-Online TV ta’ Radju Katidral 90.9FM. Għal din l-okkażjoni storika, fil-pjazza tal-Katidral kien hemm biss il-Banda Leone bil-bandisti tagħha kollha spazjati 2 metri ‘l bogħod minn xulxin. Dawn kienu kollha rreġistrati, għamlu t-test tad-deni u s-sanitizzazzjoni tal-idejn b’mod rigoruż u kkontrollat.

L-għaqda Vampa Organisations sellmu lil Santa Marija fil-bieb tal-Katidral bil-ħruq tas-salut, kaxxa infernali u nar ta’ binhar. Fit-8.30pm, imbagħad, ħarġet l-aħħar quddiesa fil-pjazza tal-Katidral, immexxija minn Mons. Isqof-maħtur Anton Teuma, segwita mid-dħul trijonfali tal-istatwa ta’ Santa Marija lura fil-Katidral. Dritt wara, fl-10:00pm, inħaraq l-ispettaklu tal-logħob tan-nar minn fuq l-għolja ta’ Gelmus. Il-pjazza tal-Katidral kienet imżejna għall-okkażjoni bil-bandalori mill-Għaqda Armar Santa Marija.

Is-Soċjetà Filarmonika Leone A.D. 1863 hija onorata li kellha l-opportunità unika li twassal lil Santa Marija fid-djar tal-Poplu Malti, sabiex jingħaqdu fit-talb f’dawn iż-żminijiet t’inċertezzi. Is-Soċjetà ħadet dan id-dmir b’serjetà u mxiet b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Korp tal-Pulizija, l-Awtorità tas-Saħħa Pubblika u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Dan it-tagħrif twassal mis-Soċjetà Filarmonika Leone A.D. 1863.