Ritratti: San Martin biż-żiemel fi pjazza f’Għawdex

Ġewż, lewż, qastan, tin, kemm inħobbu lil San Martin.

F’diversi parroċċi u komunitajiet madwar Malta u Għawdex qed isiru għadd ta’ attivitajiet. Fost l-oħrajn jitqassmu lit-tfal boroż bil-ġewż, lewż, qastan u tin li jfakkruna fil-Festa ta’ San Martin.

Iż-Żebbuġ Għawdex huwa wieħed mil-lokalitajiet li fakkar lit-tfal dwar min hu dan il-qaddis. Fil-bidu ta’ Novembru, it-tfal taż-Żebbuġ magħrufa bħala Żebbuġ Kids, ħolqu inizjattiva ħelwa, fejn libsu kostumi ta’ qaddisin differenti u ħarġu madwar ir-raħal jiġbru għotjiet ta’ karità u ħelu. Fl-istess waqt offrew ħlewwiet u storja ta’ qaddis lil dawk li laqgħuhom.

Dakinhar huma taw, iżda lbieraħ irċevew. Waqt il-quddiesa tal-Ħadd għall-familji ċċelebrata mill-Arċipriet Dun Ġwann Sultana, it-tfal tellgħu dramm qasir dwar il-ħajja tal-qaddis Martinu u l-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù fil-fqir li qasam il-mantell miegħu.  Bis-sempliċità tagħhom it-tfal wasslu messaġġ lil dawk preżenti dwar il-bżonn li ma ndawrux wiċċna minn dawk li huma fil-bżonn.

Wara, fil-misraħ tar-raħal taż-Żebbuġ dwiet l-għajta tat-tfal “Ġewż, lewż, qastan, tin, kemm inħobbu lil San Martin”, waqt li kollha entużjażmu assistew għall-wasla ta’ San Martin riekeb fuq żiemel akkumpanjat minn suldati oħra. 

Lit-tfal San Martin ma ħallihomx b’xejn għax qassmilhom il-borża tradizzjonali ta’ San Martin mimlija ġewż, lewż, qastan, tin u ċikkulata tajba!  It-tfal kellhom ukoll l-okkażjoni li jieħdu ritratt riekba fuq iż-żiemel ta’ San Martin.

F’lejl il-Qaddisin kollha l-abbatini jiġbru l-ikel