Ritratti: Riżultat pożittiv għat-tim tar-Rugby Malti

George Zammit Montebello

It-Tim Nazzjonali tar-Rugby rebaħ kontra Slovenja bl-iskor ta’ 42-14. Din kienet logħba mill-European Rugby Conference 1 South. Iż-żewġ timijiet kienu ilhom mill-2001 ma jiltaqgħu.

Il-Maltin għamlu dak li setgħu biex ġrew bil-ballun sa mill-bidu tal-logħba u dan ħalla l-frott. Sal-ewwel 20 minuta il-Maltin marru fuq quddiem b’21 punt.

Slovenja sabuha diffiċli biex jaqbżu n-nofs tal-grawnd u fid-drabi li rnexxielhom, spiċċaw biex żelqilhom il-ballun minħabba l-kundizzjonijiet tal-grawnd. Il-grawnd kien xi ftit jew wisq bit-tajn u kienet diffiċli ferm biex wieħed jiġri.

L-iskor sal-ewwel taqsima kien ta’ 28-7 għal Malta.

It-tieni nofs kien xi ftit jew wisq aktar kwiet u f’punt minnhom kien hemm 20minuta bejn gowl u ieħor. L-iskor finali spiċċa dak ta’ 42-14 favur Malta.

Il-logħba li jmiss għall-Maltin se tkun kontra Ċipru. Din se tintlagħab fit-23 ta’ Novembru ġewwa l-Hibernians Stadium.