Ritratti: Rinovata l-korsa tal-atletika fil-Marsa

DOI: Omar Camilleri

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima, inawgura l-proġett tar-rinovar tal-korsa tal-atletika fil-Marsa Sports Complex b’investiment ta’ madwar €600,000 minn SportMalta, li se tkun tista’ tilqa’ fiha kompetizzjonijiet ta’ livell internazzjonali.

Ix-xogħol estensiv li sar fil-Faċilità tal-Atletika fil-Marsa Sports Complex sar matul ix-xhur ta’ Ottubru 2018 u Marzu 2019, li kien jinkludi l-qlugħ tal-wiċċ sintetiku kollu, tiswijiet fuq il-wiċċ tal-asfalt, livellar totalment ġdid tar-run-ups tal-javelin u taż-żoni kollha tal-pole vault u l-high jump, il-kostruzzjoni mill-ġdid ta’ erba’ ċrieki tat-throws, il-kostruzzjoni ta’ run-up u żewġ sand pits ġodda għal-long jump, tiswija fuq il-water jump fl-isteeplechase u t-tqegħid ta’ wiċċ sintetiku ġdid fuq livell ta’ Kategorija 1 tal-IAAF li huwa l-ogħla kategorija għal faċilità tal-atletika. Dan ifisser li t-trakka tal-Marsa għandha wiċċ sintetiku li jilħaq livell Olimpiku.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li peress li l-qasam sportiv huwa għal qalb il-Gvern, fiż-żmien li ġej se jsiru aktar investimenti f’aktar faċilitajiet sportivi, iżda fuq kollox, investiment u tħaddim bis-serjetà ta’ Strateġija Nazzjonali tal-Isport.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima spjega kif permezz ta’ dan il-proġett, Malta se jkollu korsa tal-atletika tal-ogħla livell fejn l-atleti Maltin jistgħu jitħarrġu b’mod professjonali u b’hekk tikkumplimenta l-Istrateġija Nazzjonali għall-Isport li se titħabbar minn hawn u ftit tal-ġimgħat oħra.